Filmat: Is-Sindku jgħid li għad ikun hemm ċentru għall-anzjani fi Ġnien Belvedere

Is-Sindku tal-Marsa Francis Debono qal li fil-Ġnien Belvedere, li tħabbar proġett ta’ investiment għalih, ‘il quddiem għad ikun hemm ċentru għall-anzjani tal-lokal.

Dan qalu lil Newsbook.com.mt nhar is-Sibt li għadda, meta l-Ministru għall-Ambjent José Herrera ħabbar il-bidu ta’ proġett b’investiment ta’ €400,000 fil-Ġnien Belvedere. Debono qal li l-anzjani għandhom jibbenefikaw ħafna minn ċentru speċifikament għalihom fl-ambjent li trabbew fih. Il-Kunsill Lokali għandu f’moħħu li fis-snin li ġejjin joħloq ċentru għall-anzjani fil-ġnien stess, kemm għal tul il-ġurnata u anke għal matul il-lejl.

Il-Ministru saħaq illi dan il-ġnien li jinsab fil-qalba ta’ dan il-lokal jeħtieġlu riġenerazzjoni estensiva u għalhekk, Ambjent Malta se taħdem id f’id mal-kunsill lokali biex dan iseħħ.

Conrad Borg Manche, il-Kap Eżekuttiv ta’ Ambjent Malta, insista fuq l-importanza ta’ spazji pubbliċi ħodor qalb l-urban, f’lokalitajiet maħnuqa bi ħwienet u industrija, bħall-Marsa, Tas-Sliema u l-Gżira.