Filmat: ‘Is-silenzju u l-indifferenza huma l-alleati tal-korruzzjoni’ – Mark Anthony Sammut

Read in English.

Fid-diskors tiegħu waqt il-protesta li saret is-Sibt filgħaxija Mark Anthony Sammut qal li ‘is-silenzju u l-indifferenza huma l-alleati tal-korruzzjoni.’

Minkejja t-temp kiesaħ madwar 6,000 persuna ngħaqdu fil-Belt Valletta jitolbu r-riżenja taċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri. Bil-bnadar u l-banners f’idejhom l-attivisti mxew tul Triq ir-Repubblika sal-Monument tal-Assedju fil-Belt Valletta.

Aqra: 17 Black: Keith Schembri jirtira l-libell

Din il-protesta ssejħet mill-għaqda mhux governattiva Repubblika u minn Occupy Justice, it-Tlieta li għadda wara li Keith Schembri rrifjuta li jixhed fil-kontro-eżami tal-libell li fetaħ hu stess kontra l-eks Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil.

Aqra: Waqqajt il-libell kontra qalbi – Schembri

Din il-protesta kienet indirizzata mill-ġurnalist u blogger Manuel Delia, mill-istudenta u attivista Petra Caruana, mill-avukat Jacques Rene Zammit, mill-President tal-għaqda Repubblika Vicki Ann Cremona u mill-Inġinier Mark Anthony Sammut.

Aqra: Protesta fil-Belt nhar is-Sibt

Fid-diskors tiegħu Mark Anthony Sammut qal li l-ġlieda kontra l-korruzzjoni u l-mafja mhux qed tiġi miġġielda wara bibien magħluqin, fis-silenzju jew b’attenzjoni. Huwa enfasizza li s-silenzju u l-indifferenza huma l-alleati tal-korruzjoni u saħaq li din il-ġlieda għandha tiġi miġġielda quddiem kulħadd. Żied li dawk kollha ta’ rieda tajba għandhom jingħaqdu flimkien biex jiġġieldu l-korruzzjoni.

Saħaq li l-affarijiet jinbidlu jekk aktar nies ikomplu jingħaqdu flimkien għal din il-kawża. Sammut qal li wieħed għandu jinsa d-differenzi u jingħaqad flimkien biex din il-bidla sseħħ. Huwa fakkar lill-Membri Parlamentari, li se jkunu qed jivvutaw dwar il-fiduċja tagħhom fiċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru, li huma qed jirrapreżentaw lill-poplu li wera fiduċja fihom. Sammut saħaq li fl-aħħar mill-aħħar il-Membri Parlamentari mhux qed jirrapreżentaw partit imma lill-poplu li eleġġihom. Fakkarhom li huma ħalfu li se jirrapreżentaw lir-Repubblika ta’ Malta u liċ-ċittadini.

Mark Anthony Sammut sa ftit xhur ilu kien jagħmel parti mill-Kumitat tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista qal li jifhem kemm hi diffiċli biex wieħed jagħmel id-dmirijiet tiegħu.

‘Is-Sinjali kienu hemm’

L-Avukat Jacques Rene Zammit waqt l-indirizz tiegħu lill-attivisti qal li s-sinjali kienu ilhom hemm għal ħafna żmien. Huwa rrimarka li l-istituzzjonijiet ddgħajfu, hemm nuqqas ta’ kontabbilità u t-tkissir gradwali tal-istat jistgħu jiġu spjegati bi frażi waħda bħal ‘tkissir tas-saltna tad-dritt’ li ma jistgħu xejn kontra mewġa fuq mewġa ta’ populiżmu u demagoġija.

Huwa tkellem dwar ix-xogħlijiet li għamlet il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia u semma kif hija daħlet mewġa ġdida ta’ ġurnaliżmu investigattiv u ħadmet kontra l-korruzzjoni fl-Ewropa, fid-dinja u anke f’Malta.

‘Kollha naqblu li qed niġġieldu l-korruzzjoni’ – Manuel Delia

Il-ġurnalist u blogger Manuel Delia qal lill-folla li din hija l-24 darba li qed jiltaqgħu quddiem il-monument tal-Assedju Kbir jitolbu ġustizzja. B’referenza għal dawk kollha preżenti, Delia qal li minkejja li forsi ma jaqblux fuq kollox, qegħdin hemm għax jaqblu fuq ħaġa waħda; dik li qed jipprotestaw kontra l-korruzzjoni.

Delia żied li Daphne tħalliet waħedha fil-ġlieda tagħha madankollu qatt ma qatgħet qalbha u għalhekk ħallset l-aktar prezz għoli. Kompla li jittama li xi darba ssir ġustizzja. Manuel Delia rrefera għal dak li qal is-sindku ta’ Palermo Leoluca Orlando waqt il-velja tax-xahar li għadda; Daphne rebħet.

Delia tkellem dwar 17 Black u Keith Schembri u qal li Schembri mar lura għax kellu x’jaħbi. Żied li Schembri jibża’ jpoġġi kwarta magħhom aħseb u ara jieħu ġurament u jixhed f’kontro-eżami. Kompla li Schembru ma xehedx biex ma jinkriminax lilu nnifsu.

Delia qal li Keith Schembri offenda ruħu meta l-eks Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil qallu korrott u għalhekk iddeċieda li jiftaħlu libell. Wara li waqqa’ l-każ Delia kompla li dan juru li Busuttil kellu raġun u rebaħ. Delia ħeġġeġ lil dawk kollha preżenti biex jingħaqdu miegħu u jgħidu li Keith Schembri huwa korrott u sfidawh biex jiftaħ libell kontrihom.

‘Ċertu rappurtaġġ fil-midja rrapurtaw l-istorja daqslikieku Schembri kien vittma’ – Vicki Ann Cremona

Il-President tal-għaqda Repubblika elenkat diversi fatti li huma ta’ importanza għall-pubbliku. Hija għamlet referenza għal dak li ġara matul din il-ġimgħa u kif ċertu rappurtaġġ fil-midja penġew lil Schembri bħala vittma. Hija saħqet li f’dawn is-sitwazzjonijiet wieġed jirrealizza l-importanza tal-libertà tal-istampa li topera mingħajr ħadd ma jżommha.

Żiedet li dak li ġara t-Tnejn li għadda jkompli jikkonferma l-abbuż ta’ poter li qed ikisser il-fundamenti ta’ Malta repubblika.

‘Nagħmlu dak kollu li hemm bżonn’ – Petra Caruana

Fl-indirizz tagħha l-istudenta u l-attivista Petra Caruana qalet lil dawk preżenti li żminijiet bħal dawn imorru lil hinn milli wieħed iħossu inferjuri u mingħajr tama. Hija enfasizzat l-importanza li wieħed jibqa’ attiv u ma jaqtax qalbu quddiem il-ġlieda kontra l-korruzzjoni.

Hija tkellmet dwar kif dan mhuwiex l-aqwa żmien, iżda temmen li xi darba ssir ġustizzja.

Żiedet li xi darba l-kriminali jispiċċaw il-ħabs u Malta tkun pajjiż normali fejn il-ġurnalisti ma jibżgħux li jistgħu jitilfu ħajjithom.