Filmat: “Is-silenzju tal-MPs ma jinxtarax b’xogħol mal-Gvern” – Abela

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li jekk Membru Parlamentari jingħata xogħol governattiv ma jfissirx li jkun qed jinxtara s-silenzju tiegħu.

Dan qalu hu u jwieġeb il-mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt.

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika George Hyzler iddeskriva din l-għotja ta’ xogħlijiet governattivi jew kuntratti ta’ konsulenzi lill-Membri Parlamentari bħala “fundamentalment ħażina.” Huwa appella biex ma jibqgħux jingħataw dawn ix-xogħlijiet lill-MPs, u minflok, qal li l-MPs għandhom jitħallsu paga addattata. F’wieħed mir-rapporti tiegħu, Hyzler innota li din il-prattika tmur kontra l-irwol tal-Parlament li jiskrutinizza l-Gvern, u hi kontra l-Kodiċi tal-Etika tal-Impjegati Pubbliċi u tal-Membri tal-Bordijiet, kif ukoll kontra l-prinċipji tal-Kostituzzjoni.

Il-Prim Ministru l-ġdid Robert Abela qal li hu qatt ma qabel mal-pożizzjoni li ħa Dr Hyzler. Huwa semma żmienu bħala backbencher, meta kien ukoll konsulent legali tal-Prim Ministru Joseph Muscat, u qal li l-irwol tiegħu m’affettwax kif kien jirraġuna dwar ċerti kwistjonijiet. “Qatt ma ħallejt xi rwol li kelli mal-Gvern jaffettwa l-opinjoni tiegħi,” spjega Abela.

Abela qal li dejjem tkellem liberament u ħadd ma għalaqlu ħalqu jew heddu biex ma jgħidx xi ħaġa minħabba l-irwol li kellu fil-Gvern meta kien backbencher. Qal li xi drabi ħa pożizzjoni iebsa wkoll. Sostna li din il-prattika mhijiex se tinbidel u li l-MPs se jibqgħu jgawdu l-libertà tagħhom li jesprimu kwalunkwe opinjoni li jista’ jkollhom.

“M’iniex konxju”

Il-Prim Ministru ġie mistoqsi wkoll jekk kienx hemm xi eks Ministri jew Segretarji Parlamentari li ngħataw kuntratti mal-Gvern wara li hu ma reġax ħatarhom fil-Kabinett. Abela staqsa lill-midja tispeċifika għal min qed tirreferi, u qal li mhux konxju minn kuntratti bħal dawn.

Mistoqsi speċifikament fuq l-eks PM Joseph Muscat u l-eks Ministru Chris Cardona, Abela qal li mhux konxju minn dan. Żied jgħid li wieħed hu liberu jistaqsi lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru sabiex issir verifika.

Fl-ewwel ġimgħat tiegħu, Abela ġie kkritikat wara li ġie żvelat li l-eks Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi ngħata konsulenza mal-Ministeru ġimagħtejn wara li rreżenja, wara li d-direttur tal-Electrogas u sid il-kumpanija 17 Black, Yorgen Fenech, ġie arrestat għall-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Il-konsulenza ta’ Mizzi ntemmet wara li ġiet żvelata din l-aħbar u kkritikata bil-kbir. L-aħbar ħarġet fl-istess jum li l-Gvern propona li Mizzi jkun il-Kap tad-Delegazzjoni Maltija għall-OSCE.

Filmat: Miguela Xuereb, Ġurnalista: Monique Agius