Filmat: “Is-siġar jipprovdu d-dell; għandna bżonnhom” – tfal lill-MEPs

Xi tfal u żgħażagħ li pparteċipaw f’diskussjoni mal-Membri Parlamentari Ewropej Maltin qalu li s-siġar huma bżonjużi għax jipprovdu d-dell, u hu importanti li jitħawlu kull fejn ikun hemm lok għalihom, pereżempju fuq il-bankini.

Id-diskussjoni saret ilbieraħ fil-Parlament stess. Mexxieha l-Ispeaker Anġlu Farrugia u attendew għaliha l-MEPs Alex Agius Saliba, Josianne Cutajar, Miriam Dalli, Roberta Metsola u Alfred Sant, flimkien mal-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca, li hi wkoll il-Kap tal-Fondazzjoni ta’ Malta għall-Ġid tas-Soċjetà.

It-tfal u żgħażagħ qalu li ħasbu f’diversi kampanji li għandhom isiru, fosthom waħda dwar l-għarfien fuq l-effetti tas-siġar fuq il-bniedem, ngħidu aħna kemm itejbu l-kwalità tal-arja, u oħra dwar l-importanza ta’ edukazzjoni informali. Fuq l-edukazzjoni semmew ukoll l-importanza li l-edukaturi jkunu jafu kif jaġixxu f’sitwazzjoni tal-ibbuljar, u anke li t-tfal iħossuhom komdi jiftħu qalbhom mal-ġenituri dwar dan.

Semmew ukoll il-ħtieġa ta’ lezzjonijiet iżjed inklussivi, ta’ tagħlim li jiswa lill-istudenti mhux għall-klassi biss imma għall-ħajja kollha, u anke kurrikulu li jkun jista’ jaddatta għall-bżonnijiet u l-isfnud tal-istudenti.

Min-naħa tiegħu, l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti qal li laqa’ l-proposta għal din id-diskussjoni bi ħġaru meta ressqitha l-President Emeritu, peress li għalih, il-Parlament m’għandux ikun post fejn jinġabru l-parlamentari biex jiddiskutu l-liġijiet biss, imma għandu jkun miftuħ biex il-poplu jsib il-kenn fih biex jesprimi ruħu.

Filmat: Miguela Xuereb