Filmat: Is-siġar f’Ħal Balzan jinqalgħu mill-għeruq

Read in English.

Dalgħodu komplew ix-xogħlijiet biex titwessa’ parti minn Triq il-Wied f’Ħal Balzan. Fost ix-xogħlijiet, il-ħaddiema qalgħu iż-żewġ siġriet mill-għeruq.

Dan wara li lbieraħ, għadd ta’ residenti minn Ħal Balzan u oħrajn li għandhom għal qalbhom l-ambjent attendew velja simbolika viċin dawn iż-żewġ siġriet li sal-bieraħ kienu għadhom hemm.

Skont residenti li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt, kemm il-Kunsill Lokali u anki Transport Malta ma ltaqgħux mar-residenti minkejja li dawn tal-aħħar għamlu diversi tentattivi biex jiddiskutu mal-awtoritajiet.

Il-Kunsill Lokali stedinhom għal laqgħa li saret it-Tnejn li għadda fit-8.30am, f’ħin li ħafna jkunu xogħol. Il-Kunsill imbagħad tahom appuntament għall-10 ta’ Lulju li ġej.

Iż-żewġ siġriet tal-Wied ta’ Ħal Balzan bdew jitneħħew kmieni lbieraħ filgħodu mill-ħaddiema tal-Environmental Landscapes Consortium (ELC). Il-Gvern kien wiegħed li dawn se jitħawlu f’post ieħor.

Esperti jappellaw għal soluzzjonijiet kreattivi qabel ma jitqaċċtu s-siġar

Il-hub tal-President, iffurmat minn għadd ta’ esperti li jiffurmaw il-Fondazzjoni tal-President għall-ġid tas-soċjetà qalu li l-awtoritajiet għandhom jadottaw soluzzjonijiet kreattivi qabel ma jqaċċtu s-siġar.

Il-Hub Nazzjonali għar-Riċerka Etnobotanika qal li għalkemm huwa tajjeb li s-siġar li jinqalgħu jerġgħu jitħawwlu, ħafna minnhom imutu.

Saħqu li l-awtoritajiet għandhom jikkonsultaw bis-serjetà mal-komuniatjiet li qed jiġu affettwati qabel ma jqaċċtu jew jiżbru b’mod salvaġġ, is-siġar fil-lokalitajiet.