Filmat: Is-siegħa tal-verità

Illejla fuq l-istazzjon One se jixxandar it-13 u l-aħħar episodju tas-sensiela Elf Metodu miktub minn Simon Bartolo fuq idea ta’ Mark Doneo.

L-episodju tal-lejla se jwassalna għas-siegħa tal-verita hekk kif id-destin ta’ Karen issa jinsab f’idejn il-ġudikatura.

Iktar ma toqrob il-ġurnata tas-smigħ tas-sentenza, iktar Cora se jtiha ferħ ta’ ġenn. Bla dubju din trid tivvendika ruħha mill-mara li serqitilha l-imħabba ta’ ħajjitha, u qed tagħmel ħilitha kollha sabiex ‘issir ġustizzja’ magħha. Saħansitra issa qed tiltaqa’ mal-istess terapista ta’ Karen, Lucienne. Tgħid ser jirnexxielha ġġib biżżejjed provi biex tinkriminha? Minjaf…

Tajjeb li ma ninsewx li dan kollu ġara fl-assenza ta’ Deemer. Dak ir-raġel żorr u manipulattiv li, fil-ftit minuti li rajnih fl-ewwel episodju, deher jabbuża verbalment u fiżikament lil martu Karen. Wara mewtu Deemer ħalla diżastru kbir; Karen spiċċat tipprova tiddefendi ruħha minn ilsien in-nies u tgħin bosta nies oħra jsolvu l-problemi tagħhom fl-istess ħin. Madanakollu, dan serva biex il-mara xipli li rajna fil-bidu tissoda u toħroġ mill-gaġġa li kienet ilha maqfula fiha snin. Mingħajr ma jaf, Deemer serva sabiex l-istess Karen ‘tikber’ bħala persuna u ssir mara assertiva u indipendenti. 

Imma tgħid Karen jirnexxielha tinsih lil Deemer, jew se tibqa’ ġġorr il-memorja tiegħu magħha tul ħajjitha kollha? 

Elf Metodu jixxandar fuq One fid-9.15pm.