Filmat: ‘Is-Servizzi Finanzjarji kibru f’salt u l-għodod li jikkontrollaw ma kinux biżżejjed’

L-għodod li jikkontrollaw is-Servizzi Finanzjarji f’Malta ma kinux b’saħħithom bizzejjed biex jikkontrollaw l-ispinta tal-qasam u b’hekk wassal għal opportunitajiet ta’ ħasil tal-flus.

Dan qalu l-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Alfred Sant, f’intervista ma’ Newsbook.com.mt fi Strasburgu. Spjega li meta wieħed iħares lejn dan minn lenti Ewropea, jara li meta tneħħew il-kontrolli kapitali ta’ kif jiċċaqalqu fondi minn pajjiż għall-ieħor, infetħu toroq ġodda ta’ kif jinħaslu l-flus. 

Spjega li m’hemmx biżżejjed regoli ċari fuq kif problema bħal din tista’ tiġi mwaqqfa. Sostna li diġà kien hemm ħames direttivi kontra l-ħasil tal-flus, iżda l-ebda waħda minnhom ma kinitx b’saħħitha biżżejjed. Qal li mhux Malta biss kellha l-problemi kif tikkontrolla l-ħasil tal-flus, imma wkoll kull pajjiż tal-Unjoni Ewropea u anke fuq bażi globalizzata.

Sant sostna li d-direttivi li qed isiru kontra l-ħasil tal-flus bħal qishom qed idaħħlu ċertu kontrolli fuq iċ-ċaqlieq kapitali u fondi. Sostna li l-isfida f’Malta se tkun kif il-pajjiż jista’ jlaħħaq maż-żieda ta’ każi ta’ ħasil tal-flus.