Filmat: Is-servizzi edukattivi kollha fl-istess binja

Il-Gvern nieda s-servizz ta’ one-stop-shop għas-servizzi edukattivi li jingħataw mid-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol fil-binja tal-Ministeru fil-Furjana.

Edu’ – servizz.gov se jkun qed joffri mal-ħamsin servizz speċifiku u speċjalizzat fosthom tagħrif dwar reġistrazzjoni ta’ tfal fl-iskejjel, servizzi ta’ psikoloġija u kontra l-ibbullijar, applikazzjonijiet għal-Lifelong Learning u korsijiet għall-adulti, mistoqsijiet dwar applikazzjonijiet għal eżamijiet, impjiegi għall-istudenti Universitarji u tal-MCAST matul is-sajf, ERASMUS+, Skola Sajf, servizzi marbuta maċ-child care centres u l-Family Support Services, fost l-oħrajn.

Dan il-one-stop-shop se jkollu wkoll uffiċċju ta’ servizz.gov sabiex persuna li tidħol fil-ministeru tkun tista’ tingħata għajnuna b’aktar minn 250 servizz taħt saqaf wieħed.

Il-Ministru Bartolo saħaq li dan il-one-stop-shop se jelimina l-iskariġġ għaċ-ċittadin meta jkollu bżonn informazzjoni jew assistenza relatata ma’ servizzi edukattivi u b’hekk is-servizz pubbliku jnaqqas il-burokrazija u jżid l-effiċjenza.

Is-Sur Mario Cutajar qal li dan il-one-stop-shop huwa wieħed mill-Key Performance Indicators li tnedew f’Mejju 2018 meta kien tħabbar it-tieni sett ta’ KPIs.

It-tnedija tal-one-stop-shop, li huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu, saret mill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo u mis-Segretarju Permanenti Ewlieni s-Sur Mario Cutajar.