Filmat: Is-sajjieda b’kumpens talli jiġbru l-plastik mill-baħar

Is-sajjieda li jistadu bix-xbiek tat-tkarkir se jkunu jistgħu jieħdu sehem f’skema li tiġbor il-plastik fi proġett pilota li tneda llum waqt konferenza tal-aħbarijiet.

Il-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera flimkien mas-Segretarju Parlamentari għas-Sajd Clint Camilleri ħabbru dan il-proġett. Camilleri spjega kif is-sajjieda tat-tkarkir li bħalissa hemm disgħa minnhom waqt li jkunu qed jistadu bix-xibka se jkunu jistgħu jdaħħlu l-plastik li jinġabar fix-xibka fil-port. Camilleri kompla jispjega li għal din il-ħidma se jkunu qed jingħataw kumpens. Huwa spjega kif s’issa li jiġri, meta jinġabar il-plastik dan jerġa’ jintefa lura fil-baħar.

Il-Ministru Herrera ddeskriva l-proġett pilota bħala wieħed “sabiħ” u “partikolari” hekk kif is-sajjieda se jkunu qed jiġu meqjusa bħala stakeholders.

Herrera saħaq fuq il-bżonn li tiġi ndirizzata l-problema tat-tniġġis u tal-iskart b’mod ħolisitiku. Sostna li kulħadd jaf u jirkonoxxi li l-plastik qed joħloq problema kbira u li ħafna minnu jispiċċa fil-baħar. Kompla jispjega kif il-plastik jdum ma jinqered.

Il-Ministru rrefera għal meta dan l-aħħar tkaxkxar ammont sostanzjali ta’ plastik fil-bajja ta’ Għajn Tuffieħa.

Studju fuq is-sajd għal-lampuki

Rigward is-sajd għal-lampuki, il-Ministru Herrera spjega kif qed isiru studji dwar il-metodu tas-sajd għal-lampuki mid-Dipartiment tas-Sajd. Spjega li s’issa l-istudju wera li meta jintuża materjal biodegradabli dan qed iżomm għal staġun sħiħ.

Skont il-kalkoli li saru mill-Ministeru, Herrera qal li s-sajd għall-lampuki qed iħalli ammont sostanzjali ta’ xlief li qed jikkawża tniġġis.

Herrera saħaq fuq il-bżonn li l-ibħra jiġu preservati mhux biss għal kulħadd iżda b’mod partikolari għas-sajjieda minħabba li dan jaffettwa direttament il-futur tas-sajd.