Filmat: Is-saħħa diġitali tfisser inqas riskji għas-saħħa u ħin fit-traffiku – tabib

Newsbook jitkellem ma' membru ta' Digital Health Malta

It-tabib Dr Dylan Attard qal li s-saħħa diġitali toffri għadd ta’ benefiċċji inkluż inqas ħin fit-traffiku u inqas riskju li wieħed jimrad f’xi klinika tat-tabib.

Newsbook.com.mt intervista lil Dr Attard li huwa parti mit-tim tal-assoċjazzjoni Digital Health Malta dwar is-saħħa diġitali u dwar l-aħħar proġett ta’ riċerka tat-tim tiegħu.

Dr Dylan Attard spjega li Digital Health Malta hija assoċjazzjoni li twaqqfet bejn erbat iħbieb u kollegi li kienu interessati fis-saħħa diġitali.

L-għan tagħha hi li tippromwovi s-saħħa diġitali. Fost l-attivitajiet li torganizza hemm forums ta’ diskussjoni dwar is-suġġett. Pilastru ieħor tax-xogħol tagħha hija r-riċerka.

Ħarġu b’idea waqt il-pandemija

Qal li hemm pajjiżi fejn din it-teknoloġija fil-qasam tas-saħħa avvanzat aktar milli f’pajjiżi oħrajn. Digital Health Malta bħalissa qed tipprova tistudja kif Malta tħares lejn is-saħħa diġitali.

Dr Attard qal li ħarġu bl-idea waqt il-pandemija tal-coronavirus. Spjega li n-nies bdew jiskopru aktar is-saħħa diġitali u ħassew li kien mument opportun.

Digital Health Malta qed tqassam kwestjonarju li għandu l-għan li jiskopri kif in-nies iħarsu lejn is-saħħa diġitali u jekk qatt għamlux użu minnha.

Ħeġġeġ lin-nies jimlew il-kwestjonarju biex ikunu jistgħu jippubblikaw ir-riċerka u jgħadduha lill-awtoritajiet. Qal li din ir-riċerka tista’ twassal biex jitnedew aktar prodotti u b’hekk jibbenifikaw aktar nies.

Spjega li waqt il-pandemija kien hemm min f’Malta għamel użu minn servizzi ta’ telemedicine. Qal li hemm min uża l-WhatsApp jew pjattaformi oħra li joffru l-video calls. Però, enfasizza li din hija biss parti żgħira mid-dinja tas-saħħa diġitali.

Kien hemm min ma kellux għażla għajr li jkellem lill-professjonisti tas-saħħa b’mod virtwali. Kien hemm oħrajn li kienu jippreferu dan il-metodu peress li jnaqqas ir-riskju li jlaqqtu l-virus.

Dr Attard spjega li kien hemm min qal li dawn it-telefonati kienu idea tajba filwaqt li kien hemm oħrajn li kienu jippreferu jkellmu lill-professjonisti wiċċ imb’wiċċ.

Dr Attard jħoss li s-saħħa diġitali toffri ħafna benefiċċji. Wieħed jaħli inqas ħin fil-waiting rooms u t-tobba ma jkollhomx għalfejn ikollhom clinic fiżiku. Wieħed jiffranka wkoll it-traffiku. Kompla jgħid li anke meta ma jkunx hemm pandemija, wieħed inaqqas ir-riskju li jlaqqat l-influwenza.

‘Hemm min ma jżommx rekordju diġitali tal-konsultazzjonijiet’

Spjega wkoll li s-saħħa diġitali toffri wkoll rekordji tas-saħħa diġitali. Saħaq li f’Malta hawn nuqqas f’dan il-qasam. Qal li hemm anke professjonisti tas-saħħa fil-qasam privat li ma jżommux rekordju diġitali ta’ kull konsultazzjoni. Jekk pazjent jerġa’ jmur lura għand it-tabib xi sitt xhur wara, it-tabib irid jistrieħ fuq il-memorja jew noti oħra tiegħu. Dr Attard qal li s-saħħa diġitali toffri aktar kontinwità fil-kura li jirċievi pazjent.

Is-sigurtà hija kwistjoni importanti. It-tabib qal li hemm diversi pjattaformi konformi mar-regoli tal-GDPR li joffru s-sikurezza rikjesta għal każijiet fejn ikun hemm dettalji personali u dawk mediċi.

Fil-pandemija Dr Attard osserva diversi pjattaformi li faqqsu mil-lum għall-għada biex jibdew iservu lill-pazjenti malajr – però hemm differenza fil-kwalità li joffru. Ħeġġeġ lin-nies jużaw pjattaformi siguri.

Għalkemm s’issa ma kienx hemm każijiet f’Malta fejn ġiet leaked informazzjoni medika, it-tabib qal li dan ma jfissirx li ma jistax jinqala’ xi ħaġa ‘il quddiem.

Dr Attard jemmen li l-Ministeru għas-Saħħa mexxa lil Malta “tajjeb ħafna” waqt il-pandemija. Qal li ħadu gost meta raw l-introduzzjoni ta’ aktar għoddod tas-saħħa diġitali mill-Ministeru. Semma bħala eżempju chat bot li jispjega s-sintomi tal-COVID-19 lil dak li jkun. Saħaq li hemm bżonn biddla fil-kultura f’Malta biex tingħata spinta lis-saħħa diġitali.

Tista’ timla l-kwestjonarju ta’ Digital Health Malta minn hawn.