Filmat: Ġudikanti ġodda; il-PN jgħid li l-Gvern injora l-Kummissjoni ta’ Venezja

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li bħala Gvern dejjem irrispettaw id-deċiżjonijiet li ħadet il-Qorti. Huwa kien qed jitkellem fl-okkażjoni tal-ħatriet ta’ sitt membri tal-ġudikatura.

Il-Prim Ministru qal li l-ewwel protest ġudizzjarju tal-Għaqda mhux Governattiva Repubblika infetaħ  fit-12 t’April. Spjega li dawn qed jitolbu lill-Qorti sabiex tiffriża l-ħatriet u l-promozzjonijiet sakemm tkun introdotta sistema indipendenti li tiddeċiedi dawn il-ħatriet. Illum, l-istess għaqda reġgħet fetħet applikazzjoni oħra fl-ewwel Qorti titlob biex toħroġ ordni mill-Qorti ħalli dawn il-ħatriet ma jsirux sakemm ikun hemm sistema indipendenti. Din it-talba ġiet miċħuda mill-Qorti u għalhekk se tibda tistma’ t-Tnejn 29 t’April fid-9.15am.

F’kumment lill-ġurnalisti Muscat qal  li huma stennew u rrispettaw l-ordni tal-Qorti qabel ma komplew b’dawn il-ħatriet.

Billi wieħed iwaqqaf il-ħatriet ġodda ma ssaħħaħx is-saltna tad-dritt – Owen Bonnici

Il-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici qal li dak li ġara il-Ħamis huwa minħabba l-aġenda ta’ ċertu persuni. Huwa ddeskriva din l-attitudni bħala waħda negattiva u distruttiva u twassal għal rigressjoni. Sostna li billi twaqqaf ħatriet ġodda ma tkunx qed issaħħaħ is-saltna tad-dritt. Il-Ministru spjega li biex wieħed isaħħaħ is-saltna tad-dritt hemm bżonn diskussjonijiet li jwasslu għal sistema aħjar. Huwa appella lil dawk li l-aġenda tagħhom hija li jfixxklu minflok isaħħu s-sistema ġudizzjarja sabiex jibdlu din l-attitudni distruttiva li qed twassal għal rigressjoni minflok progress.

Il-Gvern qed ikompli jinjora r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja – L-Oppożizzjoni

Fi stqarrija l-Oppożizzjoni qal li l-Gvern Soċjalista għażel li jibqa’ għaddej bil-ħatriet tal-imħallfin u l-maġistrati mingħajr ma kkonsulta mal-Oppożizzjoni u qabel ma wettaq ir-riformi meħtieġa fis-sistema ġudizzjarja preżenti skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja.

L-Oppożizzjoni rreferiet għar-rapport tal-Kummissjoni Venezja u qalet li din għamlitha ċara li hemm bżonn tibdiliet fis-sistema ġudizzjarja. Il-Partit Nazzjonalista rrimarka li l-Gvern iddeċieda li jkompli jaħtar imħallfin u maġistrati b’sistema li biha l-Gvern ikollu kontroll fuq il-ġudikatura ta’ Malta.

Ir-rapport tal-Kummissjoni Venezja

Fir-rapport tagħha il-Kummissjoni Venezja osservat li l-Prim Ministru ma għandux ikollu l-poter li jaħtar membri tal-ġudikatura. Kompliet li dan il-poter fuq is-sistema ġudizzjarja, mhuwiex kompatibbli mal-indipendenza li għandu jkollha din l-istituzzjoni. F’dan ir-rapport il-Kummissjoni Venezja rrimarkat li hemm bżonn jittieħdu passi meħtieġa sabiex din is-sistema tkun indipendenti.

Il-ġurament tal-ħatra

Il-President George Vella qal lil dawk preżenti li huwa ta’ unur għalih li jippresedi l-ġurament tal-ħatra tal-membri tal-ġudikatura. B’referenza għar-rapport tal-Kummissjoni Venezja, Vella qal li bħalissa għaddejjin diskussjonijiet dwar ħatriet indipendenti fis-sistema ġudizzjarja kif ukoll dwar is-saltna tad-dritt. Il-President ħeġġeġ lill-Gvern sabiex jimplimenta r-rakkomandazzjonijiet li din il-Kummissjoni għamlet u dawn il-ħatriet isiru kif mistħoqqa.

Ara: Il-Gvern ma kellux għażla ħlief li jagħmel kif qaltlu l-Kummissjoni Venezja – Delia

Ara: Minn għada nimplimentaw xi rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja – Muscat