Filmat: Irridu nnaqqsu r-riskju kemm jista’ jkun – Il-Ministru fuq l-iskejjel

Read in English.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici tkellem fuq il-ħtieġa li jiġi minimizzat ir-riskju tat-tixrid tal-coronavirus kemm jista’ jkun fl-iskejjel.

Xi skejjel indipendenti se jiftħu għada, filwaqt li l-iskejjel tal-Gvern u tal-Knisja se jiftħu fis-7 t’Ottubru, u mbagħad l-istudenti jirritornaw, skont kif imisshom, tul dik il-ġimgħa. Dan wara li s-sena skolastika li għaddiet intemmet ħesrem meta l-iskejjel għalqu l-bibien tagħhom f’Marzu li għadda għaliex faqqgħet il-pandemija tal-coronavirus. It-tagħlim kompla jsir online.

Fil-bidu ta’ dan ix-xahar, il-Ministeru tal-Edukazzjoni, flimkien mal-awtoritajiet tas-saħħa, ħareġ għadd ta’ linji gwida u protokolli biex jiġu segwiti mill-iskejjel. Hu u jitkellem mal-ġurnalisti meta kien qed iżur l-iskola fil-Baħrija tul il-ġimgħa li għaddiet, il-Ministru Bonnici qal li l-awtoritajiet saħansitra tkellmu mal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) sabiex jaraw li għandhom it-tħejjijiet kollha f’posthom biex l-iskejjel jerġgħu jiftħu.

L-iskejjel fi żmien il-coronavirus

Spjega li hu u s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Edukazzjoni Dr Frank Fabri qegħdin iduru skola skola u kulleġġ kulleġġ biex jaraw il-preparamenti jieħdu l-ħajja. Żied jgħid li esperti mir-reġistru tal-Awtorità tas-Sigurtà u s-Saħħa fuq ix-Xogħol (OHSA) qegħdin iduru l-iskejjel biex jagħmlu assessjar tar-riskji f’kull skola. Dawn, imbagħad, joħorġu ċertifikat għal dawk l-iskejjel li jkunu siguri biex jiftħu l-bibien tagħhom għall-istudenti. L-iskejjel li ma jingħatalhomx dan iċ-ċertifikat ma jistgħux jilqgħu lill-istudenti.

F’intervista mal-Prof. Andrew Azzopardi fuq 103 Malta’s Heart ilbieraħ, Dr Fabri sejjaħ din il-ħidma l-akbar waħda li qatt saret fis-sistema edukattiva Maltija, peress li tmiss ma’ kull qasam fl-iskejjel: mill-bini nnifsu sal-iskeda tal-lezzjonijiet sal-ġurnata tal-iskola. Huwa faħħar il-protokolli maħruġin. Qal li fl-aħħar mill-aħħar, il-Ministeru ddeċieda li jipposponi l-ftuħ tal-iskejjel, xi ħaġa li l-unjins kienu ilhom jisħqu fuqha, mhux għax ċeda għall-pressjoni tagħhom, imma għax hu ddettat mis-sitwazzjoni kurrenti tas-saħħa, li qed tiżvolġi minn jum għall-ieħor.

Filmat: Miguela Xuereb