Filmat: “Irridu nitgħallmu napprezzaw aktar il-ħajja” – Janice

Fl-aħħar jiem il-kantanta Janice Mangion nediet il-kanzunetta Sajjetta fil-Bnazzi li tagħha hija kitbet il-lirika, b’Mark Scicluna u Cyprian Cassar responsabbli għall-mużika u l-produzzjoni. Il-messaġġ ta’ din il-kanzunetta huwa wieħed li kulħadd faċli jirrelata miegħu għaliex il-ħajja jaf tkun miexja ħarir, u f’sekonda, kollox idur ta’ taħt fuq.

“Din il-kanzunetta ktibtha proprju f’dawn iż-żminijiet daqstant diffiċli, meta irrealizzajt kemm fil-ħajja ċerti affarijiet jinqalgħu mingħajr ma wieħed ikun qiegħed jistennihom. Għalhekk it-titlu, Sajjetta fil-Bnazzi. Irridu nitgħallmu napprezzaw aktar il-ħajja u n-nies li aħna mdawrin bihom għax malajr iqum rifnu u jtajjar kollox. B’mod ċar għall-aħħar, din il-pandemija urietna li mis-sema l-isfel kulħadd l-istess,” tgħid Janice Mangion.

Għalkemm is-sena 2020 ġiet b’diversi limitazzjonijiet, Janice żammet ruħa attiva matul dawn l-aħħar ftit xhur, billi pparteċipat fil-kanzunetta Anġli Moħbija ma’ diversi artisti oħra bil-għan li titqajjem kuxjenza dwar il-pandemija, f’kunċert nazzjonali li sar b’mod virtwali fejn interpretat il-kanzunetta Kewkba flimkien mal-kompożitur tal-istess kanzunetta li daqq il-pjanu kif ukoll rat li l-materjal kollu li nediet ġie ppubblikat f’kumpilazzjoni diġitali.