Filmat: Djar tal-Knisja jospitaw 150 carer

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li s-Seminarju qed jospità 100 carer tad-djar tal-anzjani filwaqt li Mount St Joseph se tilqa’ 50 carer. Fl-Omelija f’Sibt il-Għid, huwa qal li fid-dover tiegħu li jsellem lil dawk in-nies li qed jaħdmu fil-ġlieda kontra l-coronavirus.

Fost l-oħrajn sellem lill-carers li qed jgħixu ‘l bogħod mill-familji tagħhom u jorqdu fl-istituzzjonijiet li fihom qed jaħdmu biex ma jmarrdux lil dawk li qed jieħdu ħsieb.

Sellem ukoll lill-patrijiet li qed jgħixu fl-isptar Mater Dei u lill-patri li qed jgħix il-ħabs.

“Irridu nieħdu ħsieb lil ħutna f’Ħal Far”

L-Arċisqof Charles Scicluna appella lill-Maltin biex jieħdu ħsieb lir-residenti taċ-Ċentru ta’ Ħal Far. Bħalissa hemm aktar minn elf persuna kwarantina minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

Waqt l-omelija tiegħu fil-Quddiesa ta’ Sibt il-Għid, Mons. Scicluna qal li l-Maltin ma jistax ikollom qalb tal-laħam mal-Maltin u li jkollhom qalb tal-ġebel mal-barranin. Spjega li mhux bizzejjed li wieħed jgħid li r-residenti ta’ Ħal Far huma żgħażagħ. Talab biex il-Mulej iħarishom mill-mard.

L-Arċisqof qal li llum il-Mulej qed jistieden lin-nies biex jgħarfu li kull ma ġġarraf se jerġa’ jinbena. Qal ukoll li dak kollu li qdiem se jiġġedded. Saħaq li l-bini u t-tiġdid irid isir b’mod sostenibbli li jħares l-ambjent.

Mons. Scicluna qal li l-Insara għadhom jistgħu jaraw il-post fejn kien il-qabar ta’ Ġesù sal-lum il-ġurnata. Spjega li wara li tgħaddi l-pandemija tal-coronavirus, il-Maltin ikunu jistgħu jżuru dan il-post.

L-Arċisqof ħeġġeġ lin-nies jitolbu biex il-qalb tal-ġebel tagħhom iddub u biex bil-ħniena ta’ Alla ssir qalb tal-laħam. Spjega li Ġesù huwa ħerqan li jpoġġi qalb tal-laħam fin-nies. Però staqsa lin-nies jekk huma riduhiex tassew.