Filmat: Irridu naraw il-kundizzjonijiet tal-pakkett ta’ €1 biljun għal Malta – Prof. Scicluna, Newsbook Webinar

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna stqarr li l-Gvern irid iħares lejn il-kundizzjonijiet tal-pakkett ta’ kważi €1 biljun li l-Kummissjoni Ewropea allokat għal Malta f’għajnuna biex tirkupra mill-effetti tal-coronavirus.

Fl-intervent tiegħu waqt webinar organizzat minn Newsbook.com.mt, Prof. Scicluna qal li Malta trid toqgħod attenta li ma jidħlux taxxi ġodda u b’konsegwenza ta’ hekk issofri iktar minn pajjiżi oħra.

Il-Ministru qal li l-vantaġġ li kellha Malta meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra, hu li kienet f’saħħitha ekonomikament u laqgħet għad-daqqa tal-coronavirus. Stqarr li l-aspett ta’ saħħa kien immexxi tajjeb ħafna, u b’hekk ġiet evitata lockdown totali. Semma fost l-oħrajn kif setturi bħall-kostruzzjoni u l-igaming baqgħu għaddejjin normali.

Fisser li l-Covid-19 jista’ jitpoġġa fil-kategorija ta’ diżastru nazzjonali, u għaldaqstant il-Gvern trattah bħala tali kemm bl-azzjoni kif ukoll f’sens ta’ solidarjetà. Dan permezz ta’ pakketti ta’ għajnuna immirati biex jagħtu nifs lin-negozji.

Dwar il-baġit, il-Ministru Scicluna qal li jrid isir baġit apparti biex jiġi indirizzat l-irkupru tal-ekonomija. “Dan se jkun baġit biex ngħixu mal-għadu, jiġifieri rridu nitgħallmu ngħixu mal-virus. Dan ifisser attenzjoni kbira fl-immaniġġjar tal-ekonomija u n-negozji”.

F’messaġġ fl-istess webinar, il-Prim Ministru Robert Abela staqsa jekk Malta għandhiex tibqa’ tiffoka fuq is-settur tat-turiżmu jew jekk għandhiex timbotta aktar fid-direzzjoni tal-innovazzjoni.

Dr Robert Abela waqt il-webinar ta’ Newsbook:
Filmat: Innovazzjoni minflok turiżmu? – il-PM, Newsbook Webinar