Filmat: “Irridu Malta nadifa minn kull dell ta’ korruzzjoni” – Delia

“Jimpurtana u rridu, nixtiequ, Malta nadifa mhux biss f’dawk li huma enerġiji alternattivi, ir-riċiklaġġ u l-impjanti, imma wkoll nadifa minn kull dell ta’ korruzzjoni biex intejbu r-reputazzjoni ta’ pajjiżna.” Dan kien kliem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista (PN) Adrian Delia, fil-messaġġ tiegħu għas-sena l-ġdida 2019.

Huwa saħaq ukoll li l-PN jemmen f’soċjetà li jimpurtaha, u li jrid jifhem d-diffikultajiet ta’ dawk li ma kellhomx sena tajba.

Delia sostna fuq l-edukazzjoni, fejn saħaq li ż-żgħażagħ għandhom ikomplu jkunu kapaċi jistudjaw, mhux ikollhom jibdew jaħdmu qabel iż-żmien biex ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja. Tkellem ukoll dwar il-ħaddiema, li jfittxu li jgħajjxu l-familja jew dawk qrib tagħhom, kif ukoll lilhom infushom, fejn żied jgħid li hemm bżonn ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar.

Delia mbagħad tkellem fuq kif il-PN jimpurtah min-negozji ż-żgħar, l-anzjani u l-pensjonanti, u l-pajjiż kollu, ħalli jimxi ‘l quddiem.

Aħna nemmnu f’Malta ta’ għada”, qal Delia,  “għalhekk bdejna naħdmu mil-lum b’fiduċja.” Temm il-messaġġ tiegħu billi awgura s-sena t-tajba lill-Maltin u l-Għawdxin kollha.