Filmat: “Irrid pajjiż seren” – Fearne

Il-Ministru għas-Saħħa u d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne sostna li l-interess ewlieni tiegħu huwa dak nazzjonali, li l-pajjiż ikun seren, li l-ekonomija tal-pajjiż tibqa’ miexja u b’saħħitha u li jkun hawn sigurtà fil-pajjiż.

Din kienet it-tweġiba ta’ Fearne għall-mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt li kienet qed titlob lill-Ministru jikkonferma jekk ilbieraħ waqt il-laqgħa tal-kabinett kienx hemm min qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jirreżenja.

Fearne kompla jgħid li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin u li hu jinsab kuntent bix-xogħol serju u l-inizjattivi li qed jieħu l-Korp tal-Pulizija.

Aktar tard, hu qal li bħalma jumejn ilu l-Grupp Parlamentari appoġġa lill-Prim Ministru, ilbieraħ l-Eżekuttiv tal-Partit Laburista wera li hu wkoll unanimament jappoġġja lil Muscat.

Nhar it-Tnejn li għadda, Fearne qal li l-prijorità bħalissa hija li jingħalaq il-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Madanakollu insista li ma jfissirx li l-konsegwenzi politiċi se jiġu skartati.

Filmat: Miguela Xuereb