Filmat: “Irreżenja” – attivisti lil Byron Camilleri

Diversi attivisti ta’ Repubblika nġabru quddiem il-Ministeru għall-Intern fil-Belt Valletta sabiex b’għajta waħda jgħidu lill-Ministru Byron Camilleri jirriżenja mill-kariga tiegħu.  Dan wara li isem l-eks Kummissarju tal-Pulizija ssemma fix-xhieda tas-sensar tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fil-Qorti t-Tnejn, Theuma qal li Cutajar kien staqsa lil Edwin Brincat (il-Ġojja) jekk kienx jaf xi ħaġa dwar ir-rekordings ta’ Theuma dwar l-assassinju. Fil-Qorti, l-Ispettur Keith Arnaud ikkjarifika li Theuma staqsa lil Fenech biex ikellem lil Lawrence Cutajar, l-eks Kummissarju, biex ma jarrestawx lis-sieħba tiegħu u lit-tifla.

Robert Aquilina minn Repubblika qal ma’ Newsbook.com.mt qal li ċ-ċittadini qed jispiċċaw aktar waħedhom.

Waqt il-protesta tal-lum, l-għaqda għaddiet ukoll ittra lill-Ministru Camilleri. Fl-ittra l-għaqda sostniet li ma tiflaħx tiskopri b’iżjed skandli. Qalet li l-pajjiż qed joqrob lejn sitwazzjoni fejn mhux se jkun għad fadal uffiċjali li jistgħu jinvestigaw lil sħabhom.

Repubblika spjegat li fl-aħħar ħames snin il-pajjiż kellu ħames kummissarji jmexxu l-Korp u ħadd minnhom ma temm il-ħatra tiegħu b’mod naturali. L-għaqda għamlet sensiela ta’ mistoqsijiet, fosthom jekk hux qed ikunu investigate l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri, l-eks Assistent Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta u l-Assistent Kummissarju Ian Abdilla.

L-għaqda iċċarat li hi ma temminx li l-Pulizija kollha huma maħmuġin. Qalet li hemm numru ta’ pulizija li huma rrabjati li ma jistgħux jagħmlu dmirhom u li uffiċjali sħabhom ħammġu isem il-Korp.

L-għaqda qalet ukoll li taf ukoll li t-tort mhux kollu tal-Ministru Camilleri għax dawk li ġew qablu “għaffġu kemm felħu biex jipproteġu lil sħabhom korrotti”. Qalet li hi iżda ma temminx li Camilleri sar jaf ilbieraħ li Lawrence Cutajar fixkel l-investigazzjoni fuq min qatel lil Daphne Caruana Galizia.

“Xbajna b’ministrit al-gvern jipproteġu lill-kriminali. Byron Camilleri, billi ssospendejt lil Lawrence Cutajar ilbieraħ mux biżżejjed. Inqbadt tkenn pulizija korrott,” temmet tgħid Repubblika.

Filmati: Miguela Xuereb