Filmat: ​Iridu jarrestawha għax libset miniskirt

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=J19NsnraVwg]

L-awtoritajiet fl-Arabja Sawdija qed jinvestigaw tfajla li tellgħet filmat li fih tidher fil-pubbliku, liebsa miniskirt u flokk qasir.
It-tfajla, li hija mudella, magħrufa bħala Khulood, tellgħet fuq Snapchat biċċa filmat tagħha ddur fil-forti storiku ta’ Ushaygir.
Il-filmat saħħan il-qiegħa, b’uħud jappellaw biex tiġi arrestata għax kisret ir-regoli stretti tal-ilbies f’pajjiż konservattiv Musulman.  Oħrajn, ammirawha, tant li sejħulha ‘kuraġġuża’ u qalu li għandha tilbes dak li tixtieq.
Kien hemm min iddefenda lit-tfajla billi semma lil mart il-President Amerikan, Melania Trump, li flimkien ma’ bintha Ivanka, għażlu li ma jilbsux ilbies twil meta żaru l-pajjiż f’Mejju li għadda.
Uħud qalu wkoll li kieku kienet barranija, kulħadd kien jistagħġeb bis-sbuħija tagħha.
In-nisa fl-Arabja Sawdija huma obbligati jilbsu l-abayas, ilbiesi twal sal-art u mhux issikkati magħhom, kif ukoll velu, jekk ikunu Musulmani.