Filmat: “Irrid lil Dalli tgħaddi mit-test; imma trid titkellem dwar dak li hu ġust” – Casa

L-Ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa qal li jrid li Helena Dalli tgħaddi mit-test biex tilħaq Kummissarju Ewropew. Qal iżda li biex tgħaddi mit-test trid titkellem dwar dak li hu ġust u sewwa.

F’intervista ma’ Newsbook.com.mt fi Strasburgu, Casa sostna li Dalli trid iżżomm f’moħħha li meta tkun qed taħdem f’istituzzjoni Ewropea, hi ma tirrappreżentax iktar lill-Gvern ta’ pajjiż, imma qed tirrappreżenta lill-Ewropej kollha u allura lill-valuri kollha Ewropej.

It-tħassib ta’ Casa ġej hekk kif qal li Helena Dalli kienet tifforma parti minn Gvern li minkejja l-ħruġ ta’ evidenza u fatti kontra ċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru Keith Schembri u l-Ministru Konrad Mizzi, dawn tħallew jibqgħu jokkupaw il-karigi tagħhom. Din hija xi ħaġa li rċeviet kritika kbira minn istituzzjonijiet Ewropej. Qal li llum il-ġurnata, Dalli għadha tifforma parti minn dak il-Gvern bħala deputat.

Aqra: “Il-PN qed jappoġġja lil Helena Dalli, imma…”

Qal li Dalli ma tistax tiġi mistoqsija dwar Mizzi u Schembri u ma tweġibx bħala Ewropea. Qal li meta hi se tkun Kummissarju, mhux se tkun f’din il-kariga għall-Maltin, imma għall-Unjoni Ewropea. Allura se tkun qed tirrispondi għal kull ċittadin tal-Unjoni Ewropea. Casa sostna li jrid ikun jaf li Dalli tappella wkoll biex meta jkun hemm korruzzjoni ta’ Ministri, huma min huma u huma ta’ liema pajjiż huma, jitneħħew mill-kariga. Qal li jekk ma tagħmilx dan mhux il-vot tiegħu biss titlef imma ta’ diversi gruppi oħrajn li jivvutaw kontriha.

Aqra: Helena Dalli skrutinizzata fit-2 ta’ Ottubru

Il-Kummissarju Ewropew Maltija nnominata, Helena Dalli, mistennija tgħaddi mill-iskrutinju tal-Membri Ewroparlamentari llum. Il-grilling tal-Kummissjoni Ewropea beda fit-30 ta’ Settembru u mistenni jintemm fit-8 ta’ Ottubru. Il-President il-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen kienet ħabbret li Helena Dalli mistenni tieħu f’idejha l-portafoll tal-Ugwaljanza.