Filmat: Irid ikollna l-istess kuraġġ bħal dawk li qed jiġġieldu l-virus – Delia

Read in English.

Il-Kap tal-PN Adrian Delia appella lin-nies biex ikollhom l-istess kuraġġ bħal dawk li qed jiġġieldu l-coronavirus.

F’messaġġ Delia qal li dawn huma żminijiet li qed iġibu bidliet fis-soċjetà.

“Kuraġġ…irid ikollna l-istess kuraġġ li għandhom it-tobba, l-infermieri u dawk kollha li qed jikkumbattu l-virus fis-settur mediku, pulizija, suldati, sidien tan-negozji, self-employed, impjegati u dawk kollha li qed jerfgħu r-responsabbiltajiet b’dedikazzjoni, propju fuq quddiem. Bla biza! L-eżempju tagħkom ikaxkar; intom l-eroj tagħna,” qal Delia.

Delia tkellem dwar il-miżuri li kien ippropona l-PN fosthom biex jingħalqu l-fruntieri u biex l-ekonomija tiġi protetta.

“Irridu li ħadd ma jitlef ix-xogħol u li n-negozji jkunu mgħejjuna biex hekk kif tgħaddi l-kriżi nerġgħu nibnu ekonomija ġdida bbażata fuq il-kwalità,” qal Delia.

Din il-ġimgħa l-Partit Nazzjonalista indirizza konferenza tal-aħbarijiet fejn tkellem dwar il-baġit Ewropew sabiex wara l-imxija tal-COVID-19, l-unjoni Ewropea toħroġ aktar f’saħħitha.

Il-Membru Parlamentari Mario DeMarco appella lill-Gvern sabiex mill-baġit Ewropew jara x’inhuma l-inċentivi li għandhom jiddaħħlu sabiex ladarba tgħaddi l-kriżi l-pajjiż jirpilja. Qal ukoll li l-Prim Ministru għandu juża’ l-fondi Ewropej biex jikkrea “level playing field”.