Read in English.
L-eks-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li r-riżultat huwa “ċar daqs il-kristall u ma nbidel xejn minnu”. Delia qal hekk meta mistoqsi dwar il-ftit riżenji li seħħew ilbieraħ fil-Partit Nazzjonalista hekk kif kollha kienu meqjusa bħala viċin tiegħu.
Qal li ma jafx min jew kemm kienu għax ma kienx qed isegwi “b’mod assidwu” peress li qal li għadda l-ġurnata jistrieħ wara tliet snin jaħdem.
Mistoqsi dwar jekk iddispjaċihx li daħal fil-politika u tilef kollox, Adrian Delia wieġeb li ma kien jibdel xejn anzi jerġa’ jagħmel l-istess għax fil-politika ltaqa’ mal-ħbieb tiegħu.
Huwa indika li beħsiebu jibqa’ fil-Partit Nazzjonalista hekk kif qal li se jgħin anki fl-elezzjoni ġenerali. F’kummenti lill-ġurnalisti qabel daħal fil-Parlament, Dr Delia qal li dwar il-kandidatura tiegħu f’elezzjoni ġenerali, din id-deċiżjoni ma jistax jiddeċidiha waħdu.
Dwar l-ewwel laqgħa mal-Kap il-ġdid Bernard Grech, Dr Delia qal li offra l-lealtà kollha tiegħu lejn il-Kap il-ġdid. Spjega wkoll li Grech stiednu biex jagħti sehmu u jipparteċipa fil-grupp parlamentari Nazzjonalista.