Filmat: Ir-risposta mwiegħda mill-Ministru Bartolo ma waslitx

Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo baqa’ ma weġibx għall-mistoqsijiet ta’ Newsbook.com.mt minkejja li l-ġimgħa l-oħra wiegħed li se jagħmel dan. Newsbook.com.mt ilu xhur jipprova jġib ir-risposta tal-Ministeru tal-Edukazzjoni għall-mistoqsijiet dwar in-nuqqas tal-għalliema tal-Ingliż u anke dwar ir-renovar ta’ skejjel.

Diversi ġenituri kienu ikkuntattjawna għax kienu inkwetati peress li uliedhom ma kellhom għalliema tal-Ingliż għal żmien twil. Huma xtaqu jkunu jafu jekk tfal li ma għandhomx għalliema hux se jkollhom jagħmlu l-eżamijiet tal-aħħar tas-sena xorta waħda. Fir-rapport tagħna konna semmejna l-iskola ta’ Ħal Qormi.

Aqra: “Studenti mingħajr għalliema tal-Ingliż” – omm; Il-Ministeru sieket

Il-ġimgħa li għaddiet meta ġurnalista ta’ Newsbook.com.mt staqsiet lill-Ministru Bartolo huwa talab  li  ikun jaf liema skejjel speċifiċi huma. Il-ġurnalista, kif jidher fil-filmat, spjegat lill-Ministru li diġà intbagħtu numru ta’ mistoqsijiet xhur ilu u minkejja t-tfakkiriet qatt ma ġew imwieġba.

Filwaqt li reġa’ tenna li jippreferi jkun jaf għal liema skejjel qed jirreferi l-ġurnal, Bartolo qal ukoll li l-mistoqsijiet mibgħuta minn Newsbook.com.mt ma waslu għandu qatt.

Newsbook.com.mt jerġa’ jibgħat il-mistoqsijiet lill-Ministeru

Ġaladarba l-Ministru wiegħed li se jkun qed jassigura li jwieġeb il-mistoqsijiet, Newsbook.com.mt reġa’ bagħat e-mail ieħor lill-Ministeru għall-Edukazzjoni, fih inkluż il-Ministru Bartolo fejn talab tweġiba sal-Ġimgħa, 3 ta’ Mejju f’12pm. Propju sal-lum, il-Ħadd, 5 ta’ Mejju, ir-risposta min-naħa tal-Ministru baqgħet ma waslitx.

Aqra: “Ninsabu f’sitwazzjoni ddisprata” – għalliem tal-Ingliż; Skiet mill-Ministeru

X’qed jiġri fl-iskejjel minħabba n-nuqqas ta’ għalliema?

Fl-aħħar xhur, ommijiet tkellmu ma’ Newsbook.com.mt fejn spjegaw li hemm skejjel bi klassijiet mingħajr għalliema tal-Ingliż. Każ partikolari jinsab f’Ħal Qormi. Ma’ Newsbook.com.mt omm irrakkuntat kif għall-ewwel ġimgħa tas-sena skolastika, il-klassi ta’ bintha kellha għalliema, iżda wara ġimgħa din waqfet tiġi. Spjegat li l-unika tip ta’ edukazzjoni fl-Ingliż li ħadet il-klassi ta’ bintha kien meta għal sitt ġimgħat kellhom studenta għalliema. Qalet li din baqgħet hemm sat-tmiem tal-prattika f’Diċembru imbagħad it-tfal reġgħu spiċċaw bla għalliema.

Aqra: Filmat: “Tlifna bosta għalliema ġodda tort tal-Ministeru” – MUT

L-omm irrakkuntat kif bintha u t-tfal fil-klassi tagħha kellhom jagħmlu l-eżami xorta waħda daqs studenti oħrajn li kellhom għalliema tal-Ingliż.

Intant, mistoqsi dwa x’jaħseb li hija r-raġuni tan-nuqqas tal-għalliema tal-Ingliż, il-President tal-Unjin tal-Għalliema Maltin (MUT) Marco Bonnici kien qal li bosta persuni li gradwaw bħala għalliema ġodda spiċċaw marru għal professjoni oħra għax il-Ministeru għall-Edukazzjoni dam wisq biex jgħidilhom jekk l-interview tagħhom kienx ta’ suċċess jew le.

Aqra: Aktar studenti mingħajr għalliema tal-Ingliż; l-għalliema jitkellmu

Ftit wara, għalliem tal-Ingliż sostna ma’ Newsbook.com.mt li bħalissa hu u l-kollegi tiegħu jinsabu f’sitwazzjoni ddisprata. Spjega kif ma hemmx biżżejjed għalliema u l-piż tax-xogħol dejjem qed jintefa’ fuq dawk l-għalliema tal-Ingliż kurrenti. Insista li dawn saħansitra qed jispiċċaw isofru minn burn out u anke minn konsegwenzi mediċi.

Filmat: Monique Agius