Filmat: Ir-restawr fuq il-kappella fil-Għargħur se jkun lest sa ġimagħtejn oħra

Ix-xogħol ta’ restawr fuq il-kappella ta’ San Ġwann Battista li tinsab viċin iċ-ċimiterju tal-Għargħur se jitlesta sa ġimagħtejn oħra. Ir-restawr se jinkludi t-tneħħija ta’ inserzjonijiet tal-metall, l-applikazzjoni ta’ kimika apposta li toqtol il-ħżuż, tindif apposta, ftuħ ta’ fili u tikħil b’taħlita ta’ ġir.

Il-kappella li hi kkunsidrata bħala l-ewwel waħda li nbiet fil-Għargħur tmur lura għas-seklu tlettax u kienet mibnija mit-Taljani li kienu joqogħdu fil-post.

Il-kappella serviet bħala l-Knisja Parrokkjali tal-Għargħur sakemm inbniet il-knisja preżenti. Il-knisja reġgħet ġiet mibnija u miftuħa fl-1675. Il-knisja hi mibnija bil-ġebla tal-franka u l-faċċata prinċipali għandha fontispizio triangolari li jserraħ fuq żewġ pilatstri u kampnar.

Fi stqarrija mill-Ministeru għall-Kultura ġie spjegat li l-ikbar parti tad-danni nstabet fuq il-faċċata tal-ġenb li tħares lejn iċ-ċimiterju fejn diversi partijiet tax-xogħol tal-ġebla huma fi stat avvanzat ta’ deterjorazzjoni u probabbilment ikollhom bżonn jiġu mibdula. Hemm ukoll fili neqsin, ġebla li tfarfar, qoxra ta’ lewn iswed u ħmieġ bijoloġiku.

Il-Ministru għall-Kultura Owen Bonnici żar ix-xogħlijiet. Huwa sostna li bħala Gvern irridu jkomplu jippreservaw il-wirt permezz ta’ restawr fis-siti storċi misjuba fil-lokalitajiet f’Malta u Għawdex.

Filmat: Luke Zerafa