Filmat: Ir-reshuffle jsir jekk ikun fl-interess nazzjonali – Abela

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela insista li r-reshuffle jsir jekk dan ikun fl-interess suprem tal-pajjiż. Hu qal dan hu u jwieġeb il-mistoqsijiet tal-ġurnalista dalgħodu b’rabta mal-allegat reshuffle tal-kabinett.

Filwaqt li hemm min qed jgħid li l-Prim Ministru se jkun qed iħabbar it-tieni reshuffle tiegħu, Abela qed jibqa’ jinsisti li dan mhux minnu. Irrimarka li la hemm dewmien, u lanqas inċertezza u instabbilità. Qal li l-kwistjoni tar-reshuffle kienet inbdiet “minn setturi tal-midja”. Irrimarka li jekk u meta jkun se jsir reshuffle, dan isir fil-mument li jkun meħtieġ isir. “M’hemmx lok ta’ inċertezza,” qal Abela u insisita li l-Gvern qed jaħdem b’mod seren.

Hu kompla billi insista li d-deċiżjoni dwar ir-reshuffle se jkun qed jeżerċitaha fl-interess suprem tal-pajjiż. Qal li jekk ir-reshuffle mhux fl-interess nazzjonali, mela mhux se jkun qed jiddikjarah.

F’Ottubru, meta bdiet iddur l-aħbar ta’ potenzjal għal reshuffle, il-Partit Nazzjonalista qal li l-gvern Laburista “se jkollu jintilef fit-tieni reshuffle tiegħu f’għaxar xhur”. Fl-istqarrija maħruġa fil-25 ta’ Ottubru, il-PN kien qal li r-reshuffle kien mistenni jsir “fi ftit jiem”, madanakollu, dan ir-reshuffle s’issa għadu ma sarx u l-PM għadu qed jiċħad dan id-diskors.

Jitkellem dwar ir-rappreżentanza żagħżugħa

Hu għamel referenza mill-ġdid għad-diskors tiegħu tal-bieraħ fejn insista li se jkun qed jaħdem biex il-kabinett li jmiss ikun l-aktar kabinett li jkollu rappreżentanza ta’ persuni żgħażagħ u nisa. “Dak li għidt ilbieraħ nemmen fih u se nibqa’ nisħaq fuqu,” qal Abela.

Sostna li sabiex jaħtar l-iktar kabinett żgħażugħ fil-pajjiż, importanti li jkun hemm kandidatura b’saħħitha ta’ żgħażagħ u l-poplu jirritorna dik il-kandidatura f’membri parlamentari li jkunu jistgħu jinħatru fil-Kabinett.

“Nerġa’ nappella liż-żgħażagħ u se nibqa’ niġri warajkom. Il-kwalità tat-tmexxija li għandhom iż-żgħażagħ ma jista’ joffrihom ħadd iżjed,” temm jgħid Abela.

Filmat: Miguela Xuereb