Filmati mill-Pulizija bil-mument tal-arresti

 

[youtube https://www.youtube.com/watch?v=iFHRWsEKiJ4]

Dan huwa l-ewwel filmat, ippubblikat ftit ilu, tar-rejd imwettaq b'ħidma konġunta mill-Pulizija, il-Forzi Armati u s-Servizzi Sigrieti u li matulu ġew arrestati uħud mill-persuni b'rabta mal-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia.
B'kollox ġew arrestati għaxar persuni, tmienja għall-ħabta tat-8:30am u tnejn oħra aktar tard.
Kien il-Prim Ministru li f'konferenza tal-aħbarijiet li ssejħet b'urġenza dalgħodu, ħabbar l-arrest ta' tmien persuni. Qal li l-arrestati huma kollha Maltin, bi wħud minnhom magħrufa mal-Pulizija jew li kellhom każi quddiem il-Qorti. 
Aktar tard fuq Twitter żvela li kienu ġew arrestati żewġ persuni oħra.
Skont rapporti, fost l-10 persuni arrestati hemm żewġt aħwa.
Newsbook.com.mt ikkonferma b'mod indipendenti li Alfred u George Degiorgio huma fost l-arrestati.
L-operazzjoni tmexxiet dalgħodu mill-Pulizija u l-Forzi Armati ta’ Malta fl-inħawi magħrufa bħala Ras il-Ħanżir fil-Marsa, iżda wkoll operazzjonijiet simili seħħew f’Buġibba u Ħaż-Żebbuġ.
Fl-ewwel reazzjoni, il-familja qalet li saret taf bl-arresti minn fuq il-midja u kkritikat il-fatt li l-ewwel prijorità tal-Pulizija hi li tinforma lill-familja.
Illejla, il-Prim Ministru qal li kien infurmat li l-Maġistrat kellu javża lill-familja.