Filmat: ‘Ir-regoli tal-qbiela jassiguraw li mhux se jkun hemm spekulazzjoni’ – Ministru Herrera

Il-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera qal li r-regolamenti l-ġodda dwar il-qbiela mmirati biex jassiguraw li ma jkunx hemm spekulazzjoni ta’ art u li l-art agrikola tibqa’ f’idejn il-bdiewa. Il-Ministru Herrera flimkien mal-Ministru għat-Trasport Ian Borg, is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar Chris Agius u s-Segretarju Parlamentari għall-Biedja Clint Camilleri indirizzaw konferenza tal-aħbarijiet kmieni dalgħodu fil-Manikata fejn tkellmu fuq l-Avviż Legali dwar it-trasferiment tal-qbiela tal-art agrikola.

Herrera qal li l-Gvern jagħraf li l-art agrikola hi essenzjali għall-bidwi speċjalment dawk li jaħdmu full-time. Huwa ddeskriva l-bdiewa bħala riżorsa importanti għall-pajjiż, kemm minħabba l-prodotti tagħhom, iżda wkoll minħabba l-kontribuzzjoni tagħhom għall-ekonomija u l-pajasaġġ.

L-Oppożizzjoni iktar kmieni dil-ġimgħa preżentat numru ta’ emendi dwar il-qbiela u saħqet li kienet qed tagħmel dan biex l-art tingħata biss lil min ikollu skopijiet ġenwini.

AQRA: L-Oppożizzjoni b’emendi dwar il-liġi tal-qbiela

Skont il-Gvern dawn l-emendi iżda se jkunu qed jagħtu lok għall-ispekulazzjoni. Il-Ministru Herrera saħaq li dawn l-emendi għad iridu jiġu diskussi fil-parlament.

Il-Ministru Borg saħaq li l-problema tat-trasferimenti ta’ art agrikola ilha ġejja minn diversi snin. Huwa ddeskriva l-avviż legali bħala pass importanti u li kien hemm bżonnu.

Is-Segretarju Parlamentari Agius qal li r-regoli l-ġodda huma opportunità għal dawk li forsi ma għandhomx lil min jgħadduha jew forsi rtiraw jew m’għadhomx jaħdmu r-raba. B’dan l-avviż se jkunu jistgħu jgħadduha lill-ħaddieħor. Is-Segretarju Parlamentari Camilleri saħaq li dan kien pass minn politika ħolistika tal-Gvern għas-settur agrikolu.

Clyde Camillieri li huwa bidwi saħaq li din it-tibdil fir-regolamenti tal-qbiela se tgħinhom biex huma jkunu jistgħu jkollhom ir-raba ma’ Newsbook.com.mt. Spjega li dan se jgħin biex huma jkunu jistgħu jħallu r-raba tistrieħ bejn darba u oħra li tintuża’.

Filmat: Luke Zerafa