Filmat: Ir-Reġina titgħallem tiżfen u l-Prinċep jirkeb l-iscooter

Jekk qatt ma rajt lir-Reġina Eliżabetta tilgħab fuq xi bandla bħala tifla, timbutta pramm tat-tfal, titgħallem xi passi taż-żfin jew tirkeb żiemel għall-ewwel darba, allura tnediet wirja li se taqtagħlek dawn il-kurżitajiet. 
Wirja li nfetħet mil-lum f’Buckingham Palace turi propju t-tfulija tal-Familja Rjali tal-Ingilterra, li wara kollox m’hijiex differenti ħafna minn dik ta’ tfal oħrajn.
Tista’ tara ritratti tal-Prinċep Karlu qed jitgħallem jirkeb l-ewwel darba fuq l-iscooter. Jew filmat qasir li juri ġlieda bl-imħaded bejn żewġ prinċipessi żgħar flimkien mar-Reġina Eliżabetta u ma’ Arthur Penn, ħabib tal-familja.
Dawn huma biss uħud mill-ġabra ta’ ritratti tat-tfulija ta’ 25 membru tal-Familja Rjali minn disa’ ġenerazzjonijiet differenti.
Minn dil-wirja joħroġ li l-ewwel żewġ kelmiet tar-Reġina Eliżabetta kienu “Mama” u “Bebe” f’Mejju tal-1927, xahar biss wara li t-tarbija tgħallmet tikkrolja.
Din il-wirja taħbat ukoll ma’ għeluq l-ewwel sena taċ-ċkejken Prinċep George li seraq il-qlub ta’ ħafna nies. Għalhekk se jintwerew uħud mir-rigali li qala’ f’din l-okkażjoni il-prinċep iż-żgħir, fosthom żiemel tal-injam li sar minn siġra li kienet qed titkabbar fil-White House tal-Istati Uniti.