Filmat: Ir-regħba tal-ftit qegħda tkun konsegwenza ta’ tbatija għal uħud minn fostna

Sakemm Sibt Garaxx - Sarah Micallef Muscat

Ħsieb u silta żgħira mill-kanzunetta finalista SAKEMM SIBT GARAXX - Sarah Micallef Muscat (Frederick Camilleri, Augusto Cardinali).

Posted by L-Għanja Tal-Poplu on Friday, August 21, 2020

Nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Settembru se tittella’ l-44 edizzjoni tal-festival L-Għanja tal-Poplu f’xandira diretta fuq TVM.  Il-mistieden speċjali ta’ dan il-festival se jkun Philip Vella li rebaħ il-festival tas-sena li għaddiet. Il-preżentaturi tal-festival huma l-aħwa Dorothy u Gianluca Bezzina.

Kuljum f’dan l-ispazju se ssibu tagħrif fuq kull kanzunetta parteċipanta.

Kanzunetta: Sakemm Sibt Garaxx

Kantanta: Sarah Micallef Muscat

Kliem: Frederick Camilleri

Mużika: Augusto Cardinali

Ir-regħba tal-ftit qegħda tkun konsegwenza ta’ tbatija għal uħud minn fostna. Penzjonant li ħajtu kollha għex f’mezzanin b’kera baxxa, isib ma’ wiċċu, ordni ta’ żgumbrament, għaliex fejn joqgħod se jiġi mwaqqa’ minn xi kuntrattur li ftit li xejn jimpurtah min joqgħod hemm.

Hekk ukoll l-emigrant, li ħarab l-għaks ta’ pajjiżu, u sab ruħu fostna biex ifittex futur aħjar, sab xogħol fil-kostruzzjoni fejn qed jiġi sfruttat minn min iħaddmu. It-tnejn bil-problema li bil-penzjoni u l-paga li għandhom ma jistgħux isibu jikru għax min jikri qed iħares biss lejn kemm jista’ jdaħħal. Għalhekk jispiċċaw isibu jikru garaxx, b’kera baxxa, bla ilma u dawl, u f’dan il-garaxx kapaċi jkun hemm joqogħdu tmienja oħra. Imma basta għandhom saqaf fuq rashom, u sodda fejn iserrħu rashom għal billejl.

Sarah Micallef Muscat. Ritratt: Joseph Agius Attard

Sarah Micallef Muscat tħarrġet fit-teatru mużikali u hi kkwalifikata fit-tmien grad tat-Trinity Musical Theatre. Ħadet sehem bir-rwol prinċipali fil-film Malti, Ħabbilni Ħa Nirbaħ. Bħala kantanta, ipparteċipat fil-Konkors Kanzunetta Indipendenza, kif ukoll kienet kantanta residenti fuq program ferm rinomat, Ħadd Għalik. Sarah ukoll ħadet sehem fl-irwol ta’ Sister Sophia fiż-żewġ prestazzjonijiet ta’ The Sound of Music fl-MCC il-Belt. L-aħħar xogħlijiet tagħha fit-Teatru Manoel kienu l-kunċerti ta’ suċċess A Night at the Westend u A Night on Broadway mal-Welsh Musical Theatre Orchestra fejn ħadet sehem flimkien ma’ kantanti tal-Westend kif ukoll lokali. Hi wkoll interpretat l-irwol ta’ Ninfa fil-kummiedja l-Impotenti ta’ Niccolo’ Machiavelli. 

L-44 edizzjoni tal-festival hi organizzata mill-għaqda volontarja L-Għanja tal-Poplu bl-għajnuna tal-Kunsill Malti għall-Arti u l-Valletta Cultural Agency. L-Għanja tal-Poplu 2020 qed jittella’ b’differenza biex nimxu mal-istruzzjonijiet maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.