Filmat: Ir-regatta dejjem qed tingħata l-ġenb?

Jum il-Vitorja riesaq, u s-seba’ klabbs tar-regatta għaddejin bl-aħħar preparamenti u taħriġ tal-qaddiefa.
Newsbook.com.mt żar il-klabb tar-regatta ta’ Bormla fejn diversi voluntiera kienu qed jaħdmu fuq il-fregatini u l-qaddiefa qed iniżlu waħda mid-dgħajjes għat-taħriġ.
Tkellimna ma’ Stephen Paris, il-President tal-Klabb tar-Regatta li wera t-tħassib tiegħu għal mod kif dan l-isport nazzjonali qed jingħata l-ġenb.
Spjega li sa ftit żmien ilu, f’Jum il-Vitorja ma kienx ikun hemm sport ieħor. Iżda fl-aħħar żmien ġieli kien hemm il-futbol bejn Bormla u l-Birgu, żewġ lokalitajiet li għandhom il-klabbs tar-regatta.
Paris spjega li l-qaddiefa tal-klabb jieħdu t-taħriġ is-sena kollha, iżda ġieli joħorġu fil-port u jkollhom jirritornaw għax vetturi oħra tal-baħar ma jikkalkulawhomx.
Saħaq li dgħajsa bil-moqdief suppost tingħata d-dritta, iżda diversi sewwieqa ta’ speetboats, anke f’dan iż-żmien li fih joħroġ avviż lill-baħara, jgħaddu b’veloċità kbira minn magħhom bil-konsegwenza li jkollhom jiefqu.
Stephen Paris spjega kif l-ispejjeż huma kbar, speċjalment biex isir ix-xogħol ta’ manutenzjoni fuq id-dgħajjes. Saħaq li biex jiġbru l-fondi, nhar ta’ Ħadd ikollu jħalli l-familja biex flimkien mal-membri l-oħra jorganizzaw it-tombla.
Fl-aħħar mill-aħħar, minkejja s-sagrifiċċju, Stephen qal li dak in-nhar tar-Regatta, anke sempliċiment palju huwa ta’ sodisfazzjon, aħseb u ara li tgħolli s-shield kif għamel il-Klabb ta’ Bormla s-sena li għaddiet.
Matul dan tmiem il-ġimgħa, il-klabb tar-regatta ta’ Bormla qed jorganizza żewġ attivitajiet. Illejla se ssir Lejla Maltija u għada filgħaxija ssir open day biex ikun ċelebrat Jum il-Klabb.