Filmat: Ir-rakkont ta’ San Luqa jitnaqqax fl-injam

Ir-Randan fil-bottega ta’ Alfred u Aaron Camilleri Cauchi fisser ħidma bla waqfien biex fil-jiem li ġejjin se jkunu inawgurati żewġ vari ġodda tal-Ġimgħa l-Kbira, waħda f’Ħal Għaxaq u l-oħra għal Fgura.
Newsbook.com.mt żar il-bottega, fejn Aaron kien għaddej bl-aħħar irtokki fuq il-vara ta’ Ġesù fl-Ort tal-Ġetsemani, jew sempliċiment il-vara tal-Ort, kif inhi magħrufa mal-Maltin.
Din il-vara, imnaqqxa fl-injam, se tkun qed tingħaqad mal-kumplament tas-sett tal-vari ta’ Ħal Għaxaq li qed jinbidel ftit ftit. Apparti l-Ort, Alfred u Aaron Camilleri Cauchi naqxu fl-injam l-istatwi tal-Marbut, l-Ecce Homo u r-Redentur.
L-Evanġelju ta’ San Luqa, li joffri rakkont dettaljat tat-talba li Ġesù għamel fil-Ġnien tal-Ġetsemani, kien ta’ ispirazzjoni għall-artisti. Wieħed mid-dettalji li fiha din il-vara huwa l-għaraq tad-demm li jċarċar minn wiċċ Ġesù, għal fuq il-libsa u jibqa’ nieżel mal-art. San Luqa stess jikteb: “L-għaraq sarlu bħal qtar tad-demm iċarċar sa l-art.”
Aaron Camilleri Cauchi spjega li l-fatt li flimkien ma’ missieru qed jaħdem is-sett sħiħ tal-vari, tagħtihom l-opportunità biex jiżviluppaw ideat ġodda.
Fil-fatt, b’differenza għal vari tradizzjonali, Kristu f’din l-istatwa jidher liebes l-abjad u l-aħmar li flimkien ifissru “il-Ħaruf issagrifikat.” L-abjad, il-kulur tal-purezza, jissimbolizza l-Ħaruf u l-aħmar huwa l-kulur assoċjat mal-martirju.
Apparti minn hekk l-anġlu mhux qed iżomm il-kalċi u s-salib, kif normalment wieħed jara f’vari oħra, imma minflok is-salib qed jipponta lejn il-Missier. Hekk jinħoloq djalogu bejn l-anġlu u Kristu, bl-anġlu jgħid lil Ġesù u li hu mibgħut mill-Missier.
Apparti din il-vara, Camilleri Cauchi ħadmu wkoll fuq statwa ġdida tar-Redentur għall-parroċċa Karmelitana tal-Fgura. Din l-istatwa nħadmet fil-kartapesta. Mistoqsi x’inhi d-differenza bejn xogħol fl-injam u fil-kartapesta, l-artist spjega li statwa fil-kartapesta tinbena mix-xejn mentri statwa fl-injam tkun qed titnaqqax minn injama li fiha l-artisti "jiskopri l-vara.”
Il-fatt li din l-istatwa inħadmet għal parroċċa żagħżugħa u għal knisja moderna, jagħti wkoll lok lill-artist biex joħloq xi ħaġa ġdida. Fil-fatt ir-Redentur mhux wieħed tradizzjonali, jidher liebes l-abjad u s-salib huwa forma ta’ zokk mhux raffinat.
Aaron spjega li f’din l-istatwa xtaqu li jfissru t-tbatija ta’ Kristu li ħa fuqu d-dnubiet tal-bniedem u t-telqa fir-Rieda tal-Missier li hi espressa fil-ħarsa ta’ Ġesù.
Intant l-istatwa tal-Ort se tkun inawgurata llejla fil-parroċċa ta’ Ħal Għaxaq, biex għada tinħareġ fil-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. L-istatwa tar-Redentur se tiġi inawgurata nhar it-Tnejn u immedjatament wara se tinħareġ f’pellegrinaġġ mat-toroq tal-Fgura.

Ritratt u filmat: Ian Noel Pace