Filmat: Ir-rakkomandazzjonijiet li saru wara l-każ Lassana Cisse qed jitwettqu – il-Brigadier Curmi

Read in English.

Il-kap tal-Forzi Armati ta’ Malta (AFM), il-Brigadier Jeffrey Curmi, qal li r-rakkomandazzjonijiet li saru f’inkjesta interna li saret wara li Lassana Cissé allegatament inqatel minn żewġ suldati għal skopi razzisti qegħdin jitwettqu bil-mod, anke bl-għajnuna ta’ esperti esterni.

Fuq l-edizjoni tas-Sibt ta’ Andrew Azzopardi on 103, Curmi stqarr li dan il-każ immarka “l-aktar ġurnata mudlama li kelli fis-servizz,” u li l-aġir jew allegat aġir taż-żewġ suldati akkużati bil-qtil ta’ Cissé ħammeġ isem l-armata u weġġa’ ħafna suldati, speċjalment dawk li għamlu sagrifiċċji kbar biex jagħtu servizz.

Rapporti kienu qalu li l-inkjesta ma sabitx ħjiel ta’ razziżmu fl-armata, però r-rapport innifsu ma ġiex ippublikat. Curmi insista li dan mhux għax kellu x’jaħbi iżda minħabba kunsiderazzjonijiet etiċi u dettalji sensittivi li kien hemm fl-inkjesta.

Żied jgħid li r-rakkomandazzjonijiet li l-AFM setgħet timplementa weħidha ġew implimentati, u fejn kien hemm bżonn intalbet l-għajnuna ta’ esperti, inkluża l-Fakulta għat-Tisħiħ tas-Soċjeta’ fl-Università ta’ Malta fejn Azzopardi hu dekan. Ġie ingaġġat ukoll tabib li qed jispeċjalizza fil-psikjatrija.

Fl-istess ħin, filwaqt li qal li jkun eżaġerat jekk tgħid li l-armata miexja fuq ir-rubini, ċaħad l-eżistenza ta’ problemi serji.

L-għajnuna psikoloġika għas-suldati qiegħda hemm

Waħda mir-rakkomandazzjonijiet li ġiet imwettqa kienet l-introduzzjoni ta’ testijiet psikometriċi għal kull min jixtieq isir suldat: fil-passat dawn it-testijiet kienu jsiru biss fuq min jixtieq isir fizzjal.

Azzopardi, li esprima l-qbil tiegħu ma’ dan il-pass, fakkar ukoll fil-pressjonijiet kbar li suldati jistgħu jaffaċċjaw fuq xogħolhom. Hu staqsa jekk kienx il-każ li ċertu sapport psikoloġiku jsir mandatorju, biex jiġi evitat li suldati ma jfittxux l-għajnuna li għandhom bżonn għax jibżgħu mill-istigma.

Filwaqt li Curmi qal li din l-osservazzjoni valida, żied li l-AFM kienet toffri għajnuna psikoloġika b’mod kunfidenzjali lil kull suldat li għandu bżonnha, kif ukoll inizjattivi oħrajn bħall taħditiet minn nies professjonali.

Curmi tenna li filwaqt li l-AFM tiġbor statistika fuq l-użu ta’ servizzi ta’ sapport, hemm kunfidenzjalità stretta fuq dawn is-servizzi, u li għalhekk suldati ma kellhomx jiddejqu jfittxu l-għajnuna li jħossu li għandhom bżonn.

Fakkar fil-passat tiegħu fis-servizz bħala espert fl-isplussivi, fejn kellu jaffaċċja ħafna katavri u xeni tal-waħx, u żied li ħafna suldati jaffaċċjaw sitwazzjonijiet li jistgħu iwasslu għal disturbi ta’ stress post-trawmatiku (PTSD). Qal ukoll li apparti l-għajnuna professjonali, l-esperjenza tiegħu u ta’ ħafna suldati oħrajn turi li jsibu faraġ kbir f’sens ta’ camaraderie mal-kollegi tagħhom.

Id-deċiżjoni biex jitkeċċa Godwin Schembri ‘ħadtha b’kuxjenza trankwilla’

L-intervista misset ukoll fuq it-tkeċċija kontroversjali tas-suldat Godwin Schembri, li saret wara filmat tiegħu fejn qed jiċċajta dwar grada ineffettiva f’Pembroke infirex fuq il-media soċjali. Minn dakinhar, Schembri għamel numru ta’ allegazzjonijiet dwar it-tmexxija tal-AFM.

Mistoqsi fuq il-każ, Curmi qal li minħabba kwistonijiet ta’ etika u każ li għadu pendenti fil-qrati Maltin, ma setax joqgħod jipprova jirribatti kull ma qal Schembri.

Minkejja dan, għamel riferenzi ċari ġhal allegazzjonijiet li saru fuq rapport tal-media Laburista li kien ħareġ fl-2019, li Schembri kien tkeċċa minħabba nuqqasijiet serji oħra. Mingħajr ma kkonferma li qed jirreferi għall-eks suldat, semma, kif kien għamel ir-rapport, fedina penali mhux nadifa, aktar minn 20 charge għal reati militari u aktar minn twissija uffiċjali waħda.

Fuq mistoqsija oħra ta’ Azzopardi, Curmi qal li d-deċiżjonijiet joħodhom hu u jerfa’ r-responsabbiltà tagħhom hu, anke f’dan il-każ. Id-deċiżjoni “ħadtha b’kuxjenza trankwilla,” żied jgħid il-kap tal-AFM, li insista wkoll li f’korp dixxiplinat, mhux kulħadd jista’ jagħmel li jrid.