Filmat: Iqisu li l-esperjenza Ewropea se tkun ta’ kontribut għall-Parlament Malti

Iż-żewġ Membri tal-Parlament Ewropew nisa li sabu posthom bħala shadow ministers fl-Oppożizzjoni sostnew li jistgħu jagħtu kontribut siewi fil-politika ta’ Malta.
Ma’ Newsbook.com.mt, Therese Comodini Cachia u Roberta Metsola qalu li ilhom jiffurmaw parti mill-Partit Nazzjonalista u lesti li jgħaddu l-esperjenza tagħhom fil-kumitati tal-Parlament Ewropew fil-Parlament Malti.
Peress li huma Membri tal-Parlament Ewropew, iż-żewġ Membri tal-Parlament Ewropew huma wkoll membri tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista.
Roberta Metsola sostniet li dak li jsir fl-Unjoni Ewropea jinteressa lil Malta u dak li jsir f’pajjiżna jsir skont il-qafas Ewropew.
Għalhekk il-politika Ewropea hija wkoll politika nazzjonali, għaliex li jiġri fl-Ewropa jolqot lil Malta direttament.
Metsola tiddeskrivi x-xogħol tal-Membri tal-Parlament Ewropew u dak tad-Deputati fil-Parlament Malti bħala ħoloq fl-istess katina.
Sostniet li l-istatut tal-Partit Nazzjonalista jirrikonoxxi l-importanza tar-rwol tal-Membri tal-Parlament Ewropew.
Min-naħa tagħha, Therese Comodini Cachia qalet li b’din il-ħatra l-ġdida fix-shadow cabinet se żżewweġ il-kontribut tagħha fil-livell Ewropew fil-Parlament Malti.
Qalet li ż-żewġ oqsma li tagħhom se tkun Kelliema għall-Oppożizzjoni, dawk tal-Edukazzjoni u x-Xogħol, jolqtu direttament lill-Maltin.
Sostniet li se tkun qed tiltaqa’ mal-partijiet kollha Maltin involuti f’dawn l-oqsma biex twassal il-vuċi tagħhom għad-diskussjoni fil-Parlament Ewropew.
Iż-żewġ membri nisa tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew qalu li qed jilqgħu din l-isfida b’umiltà u entużjażmu.