Filmat: Ippubblikat il-filmat xokkanti tal-attakk fuq il-Parlament Kanadiż

L-awtoritajiet fil-Kanada għadhom kemm ħarġu filmat minn cameras tas-sigurtà tal-attakk terroristiku li seħħ fuq il-Parlament din il-ġimgħa.
Il-filmat juri liż-żagħżugħ Kanadiż, Michael Zehaf-Bibeau, jiġri lejn il-bini tal-Parlament, armat, wara li kien għadu kemm spara u qatel lil suldat Kanadiż li kien għassa ħdejn il-monument tal-gwerra barra l-bini tal-Parlament.
Ir-raġel ta’ 32 sena nqatel minn suldat ieħor.
Zehaf-Bibeau ma kienx fil-lista ta’ 90 persuna li l-awtoritajiet jqisu bħala persuni perikolużi, imma kien meqjus qrib estremisti Iżlamiċi u jidher li ried jivvjaġġa lejn is-Sirja.
Minħabba f’hekk, l-applikazzjoni tiegħu għal passaport ma ġietx milqugħa u jidher li din ir-raġuni setgħet wasslet għall-vjolenza.
Mill-investigazzjonijiet, jidher li r-raġel, lejlet l-attakk, xtara karozza li uża biex jasal fuq il-post.
L-Erbgħa mbagħad, l-ewwel spara fuq is-suldati għassa mal-monument tal-gwerra, u mbagħad saq dritt lejn naħa tal-Parlament. Minn hemm, f’minuta u 23 sekonda, ħareġ mill-karozza u telaq jiġri, armat, lejn fejn kienu pparkjati l-karozzi tal-Ministri. Fil-filmat, jidher xufier ta' karozza joħroġ mill-karozza u jaħrab, u kien hemm li r-raġel ikkonfiska karozza ta’ Ministru u saq lejn il-bieb prinċipali. Hu u dieħel lejn il-bieb prinċipali, jispara, il-forzi tal-ordni sparaw lura u qatluh.