Filmat: Ipparteċipa fil-Karnival tal-1967

Godwin Borg kien ipparteċipa fil-Karnival tal-1967 u sostna li l-karnival ta’ dari kien kemmxejn differenti minn dak tal-lum.

Ma’ Newsbook.com.mt irrakkonta kif dari, il-karnival kien jokkupa t-toroq tal-Belt Valletta. Spjega li dak iż-żmien iċ-ċelebrazzjonijiet kienu jibdew bid-danza li kienet issir pjazza San Ġorġ, imbagħad ikun hemm dawra bil-karrijiet li jidħlu minn Triq ir-Repubblika u joħorġu minn Triq il-Merkanti. Qal li mbagħad, fl-aħħar ġurnata, meta kienu jaslu fi Pjazza San Ġorġ kulħadd kien ikisser il-karru.

Borg spjega li l-aktar parti popolari tal-karnival kienet tkun l-isfilata tal-karrijiet. Irrimarka li din kienet tkun ippakkjata. Spjega li d-danza wkoll kienet waħda mill-avvenimenti favoriti tan-nies, tant li kienu jagħmluha tliet darbiet. Spjega li waħda kienet tkun għat-tfal u oħra kienet tkun il-kompetizzjoni.

“Il-karnival konnha noħduh bis-serjetà”

Borg kompla jirrakkonta kif fi żmienu, hu u sħabu akkaniti tal-karnival kienu jieħdu dan id-delizzjoni b’serjetà kbira u sostna li kienu jonfqu ħafna flus. Sostna li ż-żewġ kumpaniji li kien jipparteċipa magħhom kienu fost ir-rebbieħa tal-aħjar kostum, danza u karru.

“L-ewwel ħaġa li niftakar meta smajt lil sieħbi jwerża bl-uġigħ”

L-esperjenza li l-aktar tibqa’ fil-memorja ta’ Borg hija propju meta darba seħħ inċident ta’ wieħed minn sħabu fuq karru. Spjega li fuq il-karru kien hemm sirena li kellha manku, li meta ddawru tagħmel il-ħsejjes. Qal li meta waslu ħdejn it-teatru l-antik semgħu jwerżaq, qal li kien hemm li ndunaw li dan kien qabad subajgħ fis-sirena.

Minkejja din il-memorja kemmxejn qarsa, qal ukoll li jiftakar is-sodisfazzjon tar-rebħa wara xhur twal ta’ ħidma u preparazzjoni bla waqfien.