Filmat: “Inwaqqa’ l-libell ta’ Daphne jekk il-familja taċċetta r-riżultat tal-inkjesta Egrant” – Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat talab lill-familja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia sabiex tammetti li sar żball fl-artiklu fejn kien ġie allegat li martu, Michelle Muscat kienet is-sid tal-kumpanija Egrant fil-Panama. Hu sostna li jekk jagħmlu dan iwaqqa’ l-libell.

Muscat kien qed jixhed illum waqt il-każ ta’ libell li kien fetaħ kontra l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia dwar il-blogg partikolari. Muscat għamel referenza għal dak li nstab fl-inkjesta maġisterjali fil-kumpanija Egrant immexxija mill-Maġistrat Aaron Bugeja. F’din l-inkjesta kien ħareġ li ma hemm l-ebda evidenza li tgħid li l-Prim Ministru jew xi persuna oħra mill-familja tiegħu kellha x’taqsam ma’ Egrant.

Fil-konklużjonijiet li kienu ġew ippubblikati, il-Maġistrat kien qal ukoll li permezz ta’ ittra rogatorja, Jacqueline Alexander iddikjarat li l-firma fuq id-dikjarazzjoni mhux tagħha. Alexander li kienet responsabbli għal madwar 17,500 kumpanija u kienet taħdem ma’ Mossack Fonseca, kellha l-firma tagħha fuq dikjarazzjoni ta’ fiduċja tal-kumpanija Egrant.

Il-konklużjonijiet prinċipali tar-rapport, li jammontaw għal madwar 3% tal-inkjesta li qed jingħad li hija twila madwar 1,500 paġna, kienu ġew ippubblikati f’Lulju tal-2018. Madanakollu, ir-rapport sħiħ, li mhux aċċessibbli mill-familja ta’ Caruana Galizia, għadu sal-lum ma ġiex ippubblikat.

Il-Qorti ppersedtua mill-Maġistrat Francesco Depasquale, semgħet lil Muscat jgħid li se jwaqqa’ l-libell jekk il-familja ta’ Caruana Galizia tammetti li huma kienu fi żball. Il-Prim Ministru sostna li jkun kuntent jekk dawn jammettu li kienet gidba.

Il-ġurnalista investigattiva kienet inqatlet fis-16 ta’ Ottubru tal-2017 għall-ħabta tat-3pm, ftit wara li ħarġet mid-dar tagħha. Minbarra li allegat li l-kumpanija kienet ta’ Michelle Muscat, kienet qalet ukoll li l-kumpanija fil-Panama kient irċeviet flus mill-Ażerbajġan.

Pawlu Lia, li għandu siġġu fil-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja, u li qed jirrappreżenta lill-Gvern, filwaqt li huwa wkoll l-avukat personali tal-Prim Ministru, staqsa lil Muscat x’kellu xi jgħid dwar l-artikli.

Kien irrapportat li Muscat wieġeb jgħid li wara x-xogħol li sar mill-Maġistrat Bugeja, ma kien jibqa’ xejn mill-allegazzjonijiet tal-ġurnalista assassinata. Żied jgħid li “l-gidba enormi” kienet tinvolvi lil martu u lil familtu, kif ukoll l-istabbilità politika ta’ Malta.

Lia mbagħad staqsa lill-parti l-oħra jekk kinetx lesta taċċetta l-konklużjonijiet priniċpali li ġew ippubblikati, u talabhom jagħmlu l-pożizzjoni tagħhom ċara.

L-avukat Joseph Zammit Maempel qal li Muscat kien qed jibbaża lilu nnifsu fuq rapport li ħadd ma kien ra. Muscat qal li huwa kien ibbaża ruħu fuq il-konklużjonijiet li kienu ġew ppubblikati.

Muscat qal li kien hemm kontradizzjonijiet bejn ix-xhieda ta’ Caruana Galizia u ta’ Efimova.

Muscat appella lill-parti l-oħra biex taċċetta l-offertà tiegħu u qal li kienu lesti jieħdu pass lura jekk l-allegazzjonijiet jiġu rtirati.

Il-każ mistenni jkompli f’Marzu.

Muscat itenni li se jistenna l-verdett tal-Qorti dwar il-pubblikazzjoni

Il-Prim Ministru Joseph Muscat reġa’ qal li se jkun qed jistenna d-deċiżjoni tal-Qorti dwar il-każ li fetaħ il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia biex jara x’se jkun qed jagħmel dwar il-pubblikazzjoni tar-rapport sħiħ tal-inkjesta dwar il-kumpanija Egrant.

Mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar meta se jkun qed jippubblika r-rapport sħiħ, Muscat qal li hemm kawża l-Qorti li jrid jistenna b’rispett lejn l-istess Qorti.

“Il-kommitment tiegħu għamiltu, fil-verità li kieku kont naf bil-konklużzjonijiet tal-maġistrat li huma nkonfutabli kont nejd mal-ewwel li lanqas hemm bżonn li tiġi ppubblikata l-kumplament tal-inkjesta,” qal il-Prim Ministru. Temm jgħid li se jkun qed jagħmel dak li tejdlu l-Qorti.