​Filmat: Intervisti MPs ġodda – Byron Camilleri

L-intervista mad-Deputat Laburista u l-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista Byron Camilleri hija l-ewwel waħda mis-sensiela ta’ intervisti minn Newsbook.com.mt u RTK mat-18-il Membru Parlamentari ġdid fil-Parlament Malti: 11 fuq in-naħa tal-Gvern u 7 min-naħa tal-Oppożizzjoni.
Minn Sindku tal-Kunsill Lokali tal-Fgura għal seba’ snin sħaħ, Dr Byron Camilleri sab ruħu fuq il-bankijiet tal-Parlament Malti.
Għalih il-kampanja elettorali, kienet qasira u intensiva (għal min ma kinitx hekk?)… imma sodisfaċenti. Kampanja li għejjiet lil kulħadd… u jumejn wara li ġie elett, beda bil-ħidma mill-ewwel.
Ħajtu nbidlet, imma għandu enerġija li jaħdem biex ibiddel u jkun effettiv “għan-nies t’hemm barra”.
Jemmen li l-vera għadma iebsa se tkun fit-2 ta’ Ottubru li ġej, la jiftaħ il-Parlament.
L-Eks Whip Laburista Godfrey Farrugia kien staqsa jekk għadx hawn bżonn Whip fis-soċjetà tal-lum. Bħala Whip ġdid, xi jwieġeb Byron Camilleri?
Minkejja dan kollu, dan is-sajf għandu ġimgħa ta’ mistrieħ… naħseb ħaqqu, l-aħħar li waqaf fi żmien il-Milied!
Newsbook.com.mt jawgura lill-Membri Parlamentari ġodda kollha.
Filmat: Ian Noel Pace