Filmat: Intervistat lil Daphne 10 ijiem qabel inqatlet

Read in English.

Il-Professur Marilyn Clark, esperta fil-psikoloġija, intervistat lil Daphne Caruana Galzia, għaxart ijiem qabel l-assassinju tagħha f’Ottubru 2017. L-intervista ma’ Daphne Caruana Galizia tinsab fil-ktieb ġdid tagħha ‘A mission to inform: journalists at risk speak out’ ikkummissjonat mill-Kunsill tal-Ewropa.

Hija tkellmet dwar ir-riżultati tal-istudji tagħha fil-programm Andrew Azzopardi on 103 is-Sibt filgħodu fejn tkllmet ukoll dwar l-esperjenzi tal-ġurnalisti madwar l-Ewropa.

Il-Professur Clark li hija lettur fl-Università ta’ Malta fil-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà saħqet li l-pubbliku għandu jkun jaf bil-ħidma tal-ġurnalisti.

Fissret kif waqt l-intervista hija ammirat lil Daphne għall-kuraġġ li kellha għaliex fi kliem il-Professur Clark, hija ma kinitx tħalli lil min iżommha b’ċinga u għaldaqstant ma kienet tħalli lil ħadd ifixkilha f’xogħolha.

Hija rreferiet għall-kitba tas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill tal-Ewropea li fil-ktieb jgħid li l-libertà tal-espressjoni fl-Ewropa qed tbati minħabba li s-sitwazzjoni tal-ġurnalisti madwar l-Ewropa hija problematika ħafna.

Hija spjegat li Daphne kienet tiġi intimidata b’diversi forom ta’ intimidazzjoni fosthom b’mod fiżiku meta kienu jgħajjruha, psikoloġiku meta kienu jiddemonizzawha u jpoġġuha f’ċirkostanzi li ma kinux veri u anki b’intimidazzjoni ekonomiċi meta min kien jirriklama fuq il-blogg tagħha kien jiġi intimidat.