Filmat: “Insult li tgħid li l-coronavirus hu kastig ta’ Alla” – l-Isqof Awżiljarju

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi qal li huwa insult li wieħed jgħid li l-coronavirus huwa kastig ta’ Alla.

Mons. Galea Curmi qal dan waqt il-programm Newsbook Hour fuq l-istazzjon tar-radju 103 Malta’s Heart. Kien qed jiġi intervistat minn Fr Joe Borg.

L-Isqof qal li Alla ma jikkastigax bl-addoċċ u li jieħu ħsieb u jħares lin-nies. Żied jgħid li jħares ukoll lil min jagħmel il-ħażen. Fakkar fil-parabbola tan-nagħġa l-mitlufa fejn ir-rgħaj mar ifittex il-ħlejqa l-mitlufa filwaqt li ħalla lid-99 l-oħra warajh.

Mons. Galea Curmi qal li n-nies iridu joqgħodu attenti kif jitkellmu. Qal li huwa veru li f’dan il-mument hemm min jidħol f’qoxortu u jibda jistaqsi mistoqsijiet essenzjali dwar il-ħajja.

Fakkar fil-mewt ta’ aktar minn 100 saċerdot fl-Italja li spiċċaw vittmi tal-coronavirus. Żied jgħid li mietu wkoll professjonisti fil-qasam tas-saħħa. Qal li mhuwiex ġustifikat li wieħed jgħid li l-pandemija hija kastig ta’ Alla.

Fi kliem Mons. Galea Cumri n-nies qed jgħixu żmien iebes peress li l-funerali huma limitati għal ftit persuni biss u li lanqas tista’ ssir quddiesa presente cadavere.

Il-Knisja kif qed tgħin f’dawn iż-żminijiet?

L-Isqof Awżiljarju tkellem kif il-Knijsa qed ixxandar il-quddies kuljum, però qal li l-ħidma tagħha ma tieqafx hawn.

Tkellem kif il-Caritas qed tqassam mal-550 ikla msajra kuljum lill-familji fil-bżonn. Hemm 65 voluntiera li qed jippreparaw l-ikliet bl-għajnuna tal-Alfred Mizzi Foundation. Qed jgħinu wkoll għadd ta’ saċerdoti, kappillani, u persuni barranin.

Spjega kif il-Jesuit Refugee Service (JRS) u l-Laboratorju tal-Paċi qed jilqgħu mal-400 immigrant f’diversi residenzi. B’kollox qed jieħdu ħsieb lil madwar 500 persuna.

Qal ukoll li hemm aktar minn 200 ħaddiema fid-djar tal-anzjani tal-Knisja li mhux qed jorqdu kuljum id-dar tagħhom biex jipproteġu s-saħħa tal-anzjani fil-kura tagħhom. Hemm mat-80 li qegħdin jgħixu fis-Seminarju Ta’ Virtù u mal-40 f’Mount St Joseph.

Faħħar ukoll il-ħidma tal-Malta Trust Foundation li qed tqassam hampers.

Tista’ tisma’ l-programm sħiħ minn hawn:

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn