Filmat: “Insibu li jgħaqqadna, ninsew li jifridna”

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia appella għall-għaqda fi żmien il-Milied. Qal li jixtieq li l-poplu Malti jibqa’ jingħaqad u juża l-ġranet tal-Milied biex isib dak li jgħaqqdu u jinsa dak li jifirdu. Dan qalu fil-messaġġ tiegħu għal dan il-Milied.

Delia qal li l-Milied mhux biss ir-rigali. Qal li r-rigal ifisser li wieħed iġedded il-memorja tat-Tliet Rejiet li taw ir-rigal tagħhom lit-tarbija Ġesù. Spjega li l-Milied ifisser li kulħadd irid jaqsam, jagħti lil ħaddieħor, u jaħseb f’dawk li l-aktar huma fil-bżonn. Qal li wieħed jagħti rigali lil xulxin hija xi ħaġa parti mill-kultura llum. Madanakollu appella biex ma jintesewx dawk li ma għandhom lil ħadd min jagħtihom rigal.

Delia spjega li rigal m’hemmx bżonn ikun xi ħaġa fiżika, iżda jista’ jkun il-ħin, il-smiegħ, u li wieħed isib ħin li jsib lil min qiegħed fis-solitudni, dawk li m’għandhomx familji, u jisma’ u jżommilhom kumpanija. Spjega li waħda mill-akbar problemi tal-faqar mhux in-nuqqas ta’ flus, imma is-solitudni. Sostna li huwa obbligu ta’ kull uman li jaqsam mumenti bħal dawn ma’ persuni li jinsabu fis-solitudni.

Irrimarka li l-Milied huwa wkoll it-tama għal dawk li jinsabu f’sitwazzjonijiet diffiċli. Spjega li f’Malta hawn ħafna għaddejjin minn problem u li għandhom bżonn l-għajnuna.