Filmat: Assassinju Daphne: L-MEPs Maltin jaqblu dwar inkjesta pubblika?

Il-Membri Parlamentari Ewropej Maltin jidher li huma fi qbil li l-inkjesta pubblika għandha ssir, iżda mhux kulħadd jaqbel li għandha ssir issa.

Newsbook.com.mt kien qed jintervista lill-MEPs Maltin kollha waqt is-sessjoni plenarja fi Strasburgu li saret bejn is-16 u d-19 ta’ Settembru. Dan propju ftit tal-jiem qabel ma l-Gvern Malti ħabbar li l-inkjesta pubblika fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia se tkun qed issir, filwaqt li ħabbar Kummissjoni li se tmexxiha.

Aqra: Assassinju Daphne: Il-Gvern jaħtar inkjesta pubblika

L-Ewroparlamentari Laburista Alfred Sant kien insista li fl-opinjoni personali tiegħu ma kellhiex issir inkjesta pubblika qabel ma jiġu ċċarati l-affarijiet kriminali. Qal li ovvjament dan kellu jsir f’perjodu ta’ żmien raġjonevoli. Sostna li ma jaqbilx li xi ħadd mill-Kunsill tal-Ewropa jgħid lil pajjiż sovran bħal dak ta’ Malta x’għandu jagħmel fid-dettall.

Intant, l-MEP Laburista Josianne Cutajar qalet li tifhem li l-Gvern ikun kawt minħabba li l-każ huwa wieħed ta’ qtil. Qalet li trid tiġi assigurata ġustizzja ħolistika kemm fil-każ partikolari u dawk relatati miegħu. 

Similarment, l-MEP Laburista Alex Agius Saliba qal li hemm bżonn li wieħed joqgħod attent li l-proċess li hemm għaddej fil-Qrati ma jiġix affettwat minn azzjonijiet tal-politiċi. Qal li l-Gvern ma għandu xejn x’jaħbi u l-proċess kien dejjem ċar u trasparenti. Sostna li dakinhar stess tal-assassinju ntalbet l-għanjuna ta’ awtoritajiet investigattivi barranin.

Min-naħa tagħha, l-MEP Laburista Miriam Dalli qalet li taqbel li ssir l-inkjesta pubblika. Sostniet iżda li tixtieq li din ma tippreġudikax il-proċess li għaddej fil-Qrati bħalissa, inkluż dak kriminali.

“Irridu nsiru nafu min ordna dan il-qtil”

Newsbook.com.mt tkellem ukoll mal-MEPs Nazzjonalisti dwar l-inkjesta pubblika. Roberta Metsola qalet li hemm bżonn jinstab min kien il-mandant tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Qalet li dan huwa obbligu lejn il-familja ta’ Daphne. Hi ssostni li iżda, kull ma għandu f’moħħu l-Gvern Malti huwa li jneħħi x-xemgħat ta’ dawk li jixtiequ jibqgħu jfakkru l-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia.

Min-naħa tiegħu, l-MEP David Casa sostna li l-Gvern m’għandux għażla ħlief li l-inkjesta pubblika tinħatar. Qal li hu se jibqa’ jagħmel ħiltu kollha f’din il-leġiżlatura sakemm issir l-inkjesta indipendenti u joħorġu d-dettallji kollha tal-assassinju.

Il-Gvern jaħtar Kummissjoni ta’ Inkjesta Pubblika

Il-Prim Ministru Joseph Muscat ħatar lill-Imħallef Emeritu Michael Mallia biex jippresedi Kummissjoni ta’ Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Fl-20 ta’ Settembru, il-Gvern qal li l-Kummissjoni se tkun magħmula wkoll mill-eks Dekan tal-Fakultà tal-Liġi u espert Kostituzzjonali l-Professur Ian Refalo u l-espert forensiku Dottor Anthony Abela Medici. Il-Gvern qal li Muscat talab li din l-inkjesta tiġi konkluża fi żmien disa’ xhur u tiġi ppubblikata fuq gwida tal-istess Kummissjoni. Intqal li l-Kummissjoni se tirregola lilha nnifisha. 

Aqra: “Lest li nara u nisma’ lill-familja ta’ Daphne” – PM

Fid-diskors tiegħu ilbieraħ filgħodu, il-Prim Ministru qal li l-gvern qatt ma kellu problema li jaħtar inkjesta ta’ dan it-tip, iżda l-kwistjoni dejjem kienet ta’ meta. Dan minkejja li f’Settmebru tal-2018, waqt intervista ma’ BBC Radio 4, hu kien qal li ma jarax il-bżonn ta’ inkjesta pubblika.