Filmat: Inizjattivi ġodda mħabbra fil-Jum Dinji tat-Teatru

Manoel-Theatre
https://www.teatrumanoel.com.mt/

Read in English.

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tat-Teatru, Teatru Malta nediet 3 inizjattivi ġodda bl-għan li jmantni limpenn tiegħu li jinvesti fl-artisti u l-arti performattiva anke waqt dawn iż-żminijiet bla preċedent.

TeleTeatru, Kwarta Kwarantina u Teatru Depożit huma inizjattivi li tnedew illum mill-Ministru José Herrera u d-Direttur Artistiku ta’ Teatru Malta Sean Buhagiar. TeleTeatru hija pjattaforma ġdida fejn proġetti artistiċi u teatrali jitwasslu direttament fi djar in-nies. Din l-inizjattiva, li qed isseħħ taħt lawspiċi tal-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, tiżgura li l-kumpanija nazzjonali tat-teatru tkompli tilħaq l-udjenzi Maltin b’mod ġdid.

“Dan huwa żmien partikolarment diffiċli għan-nies li jaħdmu fl-oqsma tal-kultura u t-teatru minħabba li t-teatri huma kollha magħluqin. Madankollu, se nkunu qed inwasslu t-teatru lin-nies xorta waħda, anke jekk mhux permezz tas-siti tas-soltu. Qed inniedu proġett biex noħolqu pjattaforma li tippermetti proġetti teatrali u artistiċi biex jiġu varati. Żewġ proġetti li se jagħmlu użu minn din il-pjattaforma huma TeleTeatru u Kwarta Kwarantina ta’ Teatru Malta. Permezz ta’ TeleTeatru se nkunu qed nuru proġetti ta’ Teatru Malta online u fuq it-televiżjoni bħala parti minn proġett akbar li jwassal it-teatru fid-djar tal-udjenzi. Fil-fatt, l-ewwel proġetti li se jiġu mnedija għada fuq il-pjattaformi tal-media soċjali u permezz ta’ kollaborazzjoni mal-PBS, proġetti bħall-ispettaklu fuq skala kbira ta’ Teatru Malta, VII, se jintwerew fuq it-televiżjoni lokali”, qal il-Ministru Herrera.

Apparti minn TeleTeatru, Teatru Malta nieda wkoll Teatru Depożit, proġett fejn l-artisti jistgħu jiksbu sa’ 50% depożitu fuq xogħol li għad iridu jagħmlu fil-futur.

Il-president eżekuttiv tal-Kunsill tal-Arti, Albert Marshall, stqarr li “Fis-sitwazzjoni prekarja li tinsab fiha d-dinja bħalissa, thinking outside the box huwa dak li għandna bżonn. TM kien dejjem xempju ta’ din l-emmna: fil-fatt, idea ta’ Teatru Depożit tagħmel sewwasew dan. Fiċ-ċirkustanzi, kull inizjattiva favur l-artist milqut hija balzmu u se tkun ta’ impronta biex ACM ikun proattiv ħalli jittaffa ftit l-ugigħ li qed iħoss is-settur artistiku. Din hija inzjattiva tassew eċċellenti f’dan ir-rigward għax tinvesti fil-ġejjieni tas-settur, li msaħħab kemm hu msaħħab, l-artist dejjem jaf kif iffitex ix-xemx.”

“Qatt ma esperjenzajna żminijiet daqstant diffiċli għat-teatru f’ħajjitna. Għalkemm it-teatru huwa rinomat għall-użu tal-maskri, żgur li ma stennejniex li kien se jkollna nużaw din il-maskra partikolari li qed nilbsu bħalissa fil-ħajja tagħna ta’ kuljum. Madankollu issa huwa ż-żmien meta l-aktar li neħtieġu napprezzaw il-maġija tat-teatru, għax qed naraw aktar u aktar persuni japprezzaw iżjed larti. Permezz tal-inizjattiva tagħna, Teatru Depożit, qed ninvestu fl-artisti issa biex imbagħad naħdmu magħhom iżjed tard. Bażikament qed inħallsu depożitu lill-artisti li jipproponu li jaħdmu magħna fuq proġetti li fil-futur nistgħu nittrasformaw f’realtà. L-artisti se jitħallsu depożitu issa għax-xogħol ġejjieni tagħhom, depożitu meta huwa l-iżjed meħtieġ”, spjega d-Direttur Artistiku ta’ Teatru Malta Sean Buhagiar.

TNEDIJA!! Teatru Depożitu, Tele Teatru u Kwarta Kwarantina

MISTOQSIJA: Kif tniedi 3 proġetti teatrali tal-ġenn waqt kwarantina?📢 📢 📢 📢Mit-Teatru Nazzjonali tagħna, ovvja – u ara daqxejn x’naqra ta’ social distancing dak.✅ Teatru Depożitu✅ Tele Teatru✅ Kwarta Kwarantina 👏👏👏 Meżżi ġodda kif qed ninvestu fl’artisti tagħna waqt dan iż-żmien diffiċli. Il-Ministru Jose Herrera u d-direttur artistiku Sean Buhagiar jispjegawlna x’qed jiġri#kwartakwarantina#teleteatru#teatrudepozitu#worldtheatreday#supportinglocalartists#takingtheatretoyourhomes

Posted by Teatru Malta on Friday, 27 March 2020

“L-artisti u l-performers huma ħaddiema li ġew affettwati bil-Covid-19, u se jkunu qed jibbenefikaw minn għotjiet u miżuri finanzjari li diġà tħabbru mill-gvern. Iżda lil hin minn dak, aħna se nkunu qed ninvestu aktar f’dawn in-nies permezz tal-inizjattiva brillanti li hija Teatru Depożit”, spiċċa jgħid ilMinistru Herrera.

L-inizjattivi kollha se jkunu qed isiru b’kollaborazzjoni mal-Kunsill Malti għall-Arti. Aktar dettalji dwar kif tipparteċipa jew tibbenefika mill-inizjattivi jinsabu fuq www.teatrumalta.org.mt.