Filmat: “Inizjattiva favur il-ħaddiem” – Unjins; “Għandu jħallas il-Gvern” – MEA

Huma u jitkellmu dwar id-direttiva li qed tiġi diskussa fuq livell Ewropew dwar il-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol l-Unjins ewlenin favur il-ħaddiem sostnew li hija inizjattiva pożittiva, filwaqt li r-rappreżentanti ta’ min iħaddem insistew li hemm bżonn li l-Gvern iħallas l-ispejjeż żejda imposti fuq min iħaddem.

Newsbook.com.mt kien qed jitkellem ma’ rappreżentanti mill-UĦM – Voice of the Workers, mill-General Workers’ Union u mill-Assoċċjazzjoni Maltija għal Min Iħaddem (MEA).

Id-Direttiva qed tipproponi numru ta’ drittijiet ġodda għall-ġenituri u l-carers. Dawn jinkludu ċ-ċans ta’ xogħol b’ħinijiet flessibbli sabiex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb it-tfal u qraba morda, leave imħallas għall-ġenituri li għandhom tfal fi snin formattivi, kif ukoll minimu ta’ 10 ijiem għall-missirijiet fi żminijiet meta jkun se jkollom it-trabi.

“Dawn miżuri soċjali u għandhom jitħallsu mill-Gvern”

Joseph Farrugia mill-MEA sostna li l-miżuri tad-direttiva huma fuq livell soċjali u għalhekk għandhom jiġu koperti mill-Gvern mit-taxxi. Farrugia rrimarka li minkejja kollox hija inizjattiva interessanti u li tipprova tlaqqa’ l-eżiġenzji tal-ħajja privata max-xogħol. Min-naħa tagħha, rappreżentanta oħra tal-MEA, Dolores Sammut Bonnici sostniet li hemm bżonn li wieħed janalizza sew meta u fejn, għandu u jista’ jsir ix-xogħol mid-dar. Qalet li tixtieq tara lill-Gvern jieħu ċertu piżijiet u mhux iwaddab ir-responsabbiltà kollha fuq min iħaddem.

“Irridu naraw li l-miżuri jidħlu fis-seħħ mingħajr dewmien”

Il-ħsieb prinċipali tal-Kap Eżekuttiv tal-UĦM – Voice of the Workers, Josef Vella kien li ladarba d-direttiva tgħaddi u ssir liġi, għandha ssir ħidma sħiħa sabiex tiġi implementata bl-aktar mod effikaċi u effiċjenti biex kulħadd igawdi. Intant is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Buġeja spjega li jekk din tgħaddi bħala liġi, partijiet minnha jridu jiġu implementati fi żmien tliet snin u oħrajn fi żmien ħames snin.

“Se naslu biex nidentifikaw l-aqwa mod kif inġeddu t-Tribunal industrijali” – Dalli

Il-Ministru għall-Ugwaljanza Helena Dalli qalet li konvinta li fi spirtu ta’ djalogu soċjali kostruttiv, flimkien mas-sħab soċjali jiġu identifikati l-aqwa mof kif jiġġedded it-Tribunal Industrijali b’riforma li tħares il-ħtiġijiet tal-lum u l-ġejjieni. Hi kienet qed titkellem waqt konferenza dwar il-ħtieġa ta’ rfiforma fit-Tribunal Industrijali.

Filmat: Luke Zerafa