Filmat: ‘Inħossni maqsuma bejn Malta, l-Ukraina u r-Russja’ – omm Ukrena

Olina Tretyak, omm mill-Ukraina bħalissa qed tħossha maqsuma bejn Malta, l-Ukraina u r-Russja.

Filwaqt li binha ta’ 17-il sena jixtieq jitlaq minn Malta biex ikun ma’ sħabu fil-pjazza fiċ-ċentru tal-Ukraina biex jipprotesta kontra l-korruzzjoni fil-pajjiż, bintha li tgħix l-Ukraina tixtieq issib kenn x’imkien ieħor ‘il bogħod mill-inkwiet.

Olina twieldet u trabbiet fis-Siberja, l-Unjoni Sovjetika, li llum tagħmel parti mit-territorju tar-Russja. Hemmhekk hija għandha jgħixu z-zijiet u ħafna qraba oħra.

Għaliha ma tifhimx kif jista’ jkun hemm il-kunflitt bejn dawn iż-żewġ pajjiżi għax kulħadd għandu l-qraba jgħixu fiż-żewġ naħat.
It-tama ta’ Olina hi li fl-Ukraina il-qrati u d-dipartimenti tal-Gvern ma jkunux korrotti filwaqt li l-politiċi ma jigdbux lin-nies.