Filmat: Inħobb insajjar, niekol u dik it-tazza nbid kultant – Fearne

Read in English.

Filwaqt li bosta jħarsu lejh bħala persuna stretta u klinika, Chris Fearne sostna li hu bniedem ferrieħi, li jħobb isajjar, jiekol u jixrob dik it-tazza nbid kultant.

Fearne, bħalissa Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa kien qed jiġi intervistat minn Fr Joe Borg fuq Newsbook.com.mt. Hu kien qed iwieġeb għal kif jixtieq jibqa’ mfakkar fost il-Maltin.

Il-kandidat għal Mexxej tal-Partit Laburista iddeskriva lilu nniffsu bħala persuna li ma joqgħodx għall-bluha u li ma joqgħodx idur mal-lewża. Fearne ġie mistoqsi jekk l-istil tat-tmexxija tiegħu kienx differenti minn dak tal-Prim Ministru kurrenti Joseph Muscat, hekk kif hu jidher ħafna waħdu, mhux akkumpanjat minn familtu.

Fearne wieġeb li t-tliet itfal tiegħu huma adulti u jew għandhom il-karriera tagħhom, jew inkella qed jistudjaw. Hu u jitkellem dwar martu, Fearne qal li hi kienet tabiba professjonista, bil-karriera tagħha. Qal li hi mhix it-tip ta’ mara li se toqgħod issegwih kullimkien, bħal li kieku ma għandha xejn x’tagħmel iktar ħlief li toqgħod fid-dell tiegħu. Madanakollu qal li huma jissapportjaw lil xulxin fid-deċiżjonijiet għall-karriera tagħha. Hu żied jgħid li dakinhar kienet se tkun miegħu waqt attività politika li seħħet wara l-intervista.