Filmat: “Inħarsu ‘l quddiem lejn ir-rebbiegħa wara x-xitwa qalila li għaddejna minnha”

Il-messaġġ tal-Kap tal-Oppożizzjoni għall-Ewwel tas-Sena

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qed jilqa’ s-sena l-ġdida b’messaġġ ta’ tama, sabiex nilqgħu r-rebbiegħa wara x-xitwa qalila li għaddejna minnha, jew għaddejjin minnha, f’dan il-mument fl-istorja.

Fil-messaġġ tiegħu ta’ tmiem din is-sena, Dr Grech, li fl-2020 sar Kap tal-Partit Nazzjonalista u għalhekk Kap tal-Oppożizzjoni, ħares lejn il-ġejjieni xemxi, u bi kliem figurattiv ħeġġeġ lill-poplu biex la tgħaddi din il-maltempata, “noħorġu minn djarna fejn inkunu ilna msakkrin u nifirħu u niċċelebraw. Noħorġu bil-baned tagħna, bit-tiżjin tat-toroq, bil-bnadar u l-festuni fuq il-bjut, bil-ħoss tal-murtali, bid-daqq ferrieħ tal-qniepen tal-knejjes tagħna, ninżgħu l-maskri, nerġgħu nieħdu b’idejn xulxin u nitgħannqu, għax għal darb’oħra ħriġna rebbiħin.”

Minkejja dan il-messaġġ fuq nota pożittiva, il-Kap tal-Oppożizzjoni ma naqasx milli jappella lil kulħadd biex jibqa’ jsegwi l-miżuri restrittivi kontra l-coronavirus, b’rispett lejn xulxin.  

Ħsibijiet u ringrazzjamenti

Il-Kap tal-Oppożizzjoni ftakar fid-diffikultajiet li ffaċċjat Malta fix-xhur li għaddew. Semma kif il-pandemija m’affettwatx biss lil dawk li tilfu ħajjithom, imma anke lil dawk li qabadhom il-virus, lil qrabathom, lill-eluf li kellhom jiżolaw ruħhom, u fl-aħħar mill-aħħar, affettwat lil kulħadd, b’xi mod jew ieħor.

Huwa rringrazzja l-ewwel u qabel kollox lill-ħaddiema tas-saħħa u lill-frontliners kollha, li ħadmu qatigħ biex jiġġieldu din il-pandemija u jżommu lill-poplu sigur. Faħħar ix-xogħol li sar mill-edukaturi u mill-ġurnalisti li baqgħu jipprovdu s-servizzi lis-soċjetà, minkejja d-diffikultajiet li ġabet magħha s-sena.

L-2021 “is-sena tar-rinaxximent”

Dr Grech sejjaħ is-sena li ġejja s-sena “tar-rinaxximent” għad-dinja, u qal li din serviet ta’ tagħlima għad-dinja. Jekk ma nitgħallmux minnha, iżda, inkunu batejna ta’ xejn. Appella biex ikun hawn tisħiħ tal-infrastruttura biex it-tfal qatt ma jerġgħu jispiċċaw id-dar bla skola, leġislazzjoni biex in-nies ikunu jistgħu jaħdmu liberament mid-dar, standards għoljin fid-djar tal-anzjani, ekonomija diversifikata, pajjiż li lest jgħin lil min jitlef xogħlu u lin-negozjant li n-negozju jmurlu l-baħar.