Filmat: Inħalli d-deċiżjonijiet dwar il-mafkar f’idejn min hu responsabbli – Bonnici

Read in English.

Il-Ministru Owen Bonnici qal li se jħalli d-deċiżjonijiet dwar il-mafkar ta’ protesta għall-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia f’idejn il-persuni responsabbli.

Bonnici qal dan lil Newsbook.com.mt quddiem il-bini tal-parlament. Hu ġie mistoqsi għar-reazzjoni tiegħu għad-deċiżjoni tal-PM Robert Abela li ma jneħħix il-fjuri, ix-xemgħat, u l-messaġġi mill-monument tal-Assedju l-Kbir fil-Belt Valletta. Fit-8 ta’ Jannar, Bonnici kien tella’ post fuq Facebook li fih qal li l-monument qed jiġi mgħarraq.

“Hemm għalfejn ngħarrqu monumenti nazzjonali biex nesprimu rwieħna?” staqsa Bonnici.

Bongu hbieb,Dan hu ritratt li ttiehed ftit sieghat ilu tal-monument tal-Assedju l-Kbir, xoghol Antonio Sciortino. …

Posted by Owen Bonnici on Tuesday, January 7, 2020

Bonnici qal li issa huwa responsabbli għall-edukazzjoni u mhux għax-xogħlijiet.

Fis-16 ta’ Jannar, il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar li ta struzzjonijiet biex ma jitnaddafx il-mafkar tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Bonnici ġie mistoqsi wkoll dwar il-pjanijiet tiegħu għall-kariga ġdida bħala Ministru għall-Edukazzjoni. Qal li għandu erba’ miri. Irid isaħħah il-kwalità tas-servizz edukattiv, li jimla’ t-toqob fis-sistema, irid li n-nies kollha jipparteċipaw fl-edukazzjoni, u li tissaħħah l-esperjenza li tiġi wara l-edukazzjoni obligatorja.

Newsbook.com.mt staqsa lil Bonnici jekk kiex qed jistenna li jinbidillu l-portafoll. Qal li ħa l-bidla bħala opportunità biex jaħdem f’qasam ġdid wara li għamel seba’ snin fil-qasam preċedenti tiegħu. Jemmen li għandu responsabbilità akbar milli kellu qabel peress li issa qed jieħu ħsieb il-futur tat-tfal tal-familji Maltin. Żied jgħid li se jkun qed iħoss in-nuqqas tad-dekasteru tal-kultura.

Filmat: Miguela Xuereb, Ġurnalista: Monique Agius