Filmat: “Inħabbru l-miżura u l-Avviż Legali noħorġuh jumejn wara”

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-miżuri li qed jimplimenta l-Gvern qed jitħabbru bl-idea ġenerali imbagħad l-Avviż Legali jiġi ppubblikat ġurnata jew jumejn wara.

Intervistat fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista, il-PM tkellem dwar it-tibdil fid-deċiżjoni tal-lockdown għall-anzjani u l-persuni vulnerabbli u stqarr li dwar dan kien hemm qbil unanimu fil-Kabinett. Huwa qal ukoll li tul din il-ġimgħa saru tliet laqgħat tal-Kabinett. Fl-istess intervista huwa appella biex kulħadd isegwi d-direttivi biex ingawdu s-sajf.

Huwa fisser billi qal li l-Gvern sema min-nies u ta eżempju ta’ familja minn Għawdex  b’persuna ta’ 70 sena li għandha bżonn l-għajnuna ta’ persuna oħra ‘l fuq minn 65 sena u għaldaqstant il-Prim Ministru qal li l-miżura kellha titranġa (fine tuned) biex tħalli lill-persuni jagħmlu l-affarijiet bażiċi.

Qal li l-mumenti ta’ bħalissa huma realtà bla preċedent li f’kull minuta jittieħdu deċiżjonijiet. Huwa stqarr li r-riżultati qed juru li l-Gvern Laburista kapaċi jmexxi f’kull ċirkostanza.

Obdu llum ħalli ngawdu s-sajf – il-PM

Il-Prim Ministru appella biex il-pubbliku jobdi r-regoli kollha biex ma nħarbtux is-sajf. Qal li s-sajf jogħġbu u għaldaqstant jixtieq li kulħadd jobdi r-regoli issa biex il-pandemija tgħaddi kemm jista’ jkun malajr.

Preparamenti intensivi f’Għawdex – il-PM

Il-Prim Ministru qal li Għawdex qed ibati mill-insularità doppja u għalhekk kien hemm miżuri ekonomiċi speċjali.

Semma ż-żieda ta’ sodod fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex kif ukoll provvista ta’ ħażna tal-ossiġnu biex l-isptar f’Għawdex ikun moqdi aħjar f’każ li s-servizz bejn Malta u Għawdex jonqos.

Qal li kull każ pożittiv f’Għawdex qed jittieħed lejn Malta b’vapur chartered. Hawnhekk il-Prim Ministru stqarr li għalkemm hemm każ wieħed biss kulħadd għandu josserva d-direttivi kollha għas-saħħa pubblika.

Stqarr li l-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa (WHO) tat ċertifikat ta’ eċċellenza billi semmiet lil Malta bħala eżempju tajjeb u qal li dan jawgura tajjeb għaż-żmien li ġej.

“Nibża’ li n-nies jillaxkaw”

Filwaqt li appella lill-pubbliku biex jobdu d-direttivi, il-Prim Ministru qal li mingħajr ma ttieħdu miżuri estremi imma li ġew segwiti l-pariri mediċi u xjentifiċi.

Huwa fakkar fil-valuri bażiċi li f’dan il-mument diffiċli kulħadd beda jagħraf li l-familja u s-saħħa huma importanti.

“Gvern tar-ruħ soċjali u partit soċjalista”

Permezz tal-miżuri li tħabbru l-Ġimgħa, il-PM spjega li l-Gvern qed jagħti gasranzija li jħallas il-pagi sa €800 fix-xahar lill-persuni vulnerabbli li ntalbu jibqgħu d-dar.

Qal li l-ispiża totali ta’ injezzjoni diretta tal-pakkett finanzjarju huwa ta’ €70 miljun fix-xahar.

Fi sfond ta’ kriżi medika, il-Prim Ministru qal li l-Gvern irnexxielu jgħaqqad lill-korpi kostitwiti u f’laqgħa tal-MCESD ntlaħaq ftehim biex is-setturi milquta l-aktar jieħdu dawn l-inċentivi.

Fl-intervista, il-Prim Ministru spjega li l-ħażna ta’ flus li rnexxielu jġemgħa l-pajjiż se tinżamm biex tlaħħaq max-xhur li ġejjin peress li spjega li l-ekonomija se tbati.

Il-Prim Ministru qal li mal-imsieħba soċjali għamel premessa biex il-flus jaslu għand il-ħaddiema. Spjega li kien għalhekk li min iħaddem fl-industiriji l-aktar milquta, qed jintalbu jħallas sa €400 oħra mat-€800 mogħtija mill-Gvern.

Appella biex min iħaddem jadotta prattiċi differenti. Dan għaliex skontu, wara dawn il-mumenti diffiċli se naraw “dinja differenti li ma jfissirx li hija dinja agħar”.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn