Filmat: Infrastructure Malta għandha tosserva l-liġijiet – Abela

Abela mistoqsi dwar xogħol li IM tibda qabel ma jasal il-permess

Infrastructure Malta għandha tosserva l-liġijiet tal-ippjanar, skont il-PM Robert Abela.

Abela qal lil Newsbook.com.mt li kull żviluppatur, kemm jekk ikun entità pubblika kif ukoll jekk ikun kumpanija privata, għandu josserva l-liġijiet kollha ta’ Malta.

Hu ġie mistoqsi dwar xogħol li ġieli tkun bdiet Infrastructure Malta qabel ma jkunu ħarġu l-permessi neċessarji.

Dwar bidliet għall-ħatra tal-membri tal-ġudikatura, Abela qal li dawn għadhom iridu jiġu diskussi.

Abela tkellem ukoll dwar il-ħtieġa ta’ mekkaniżmu li jiskatta għal resident li jitilfu d-dar tagħhom minħabba xi incident. Dan bħal meta tiġġarraf dar minħabba xogħol ta’ kostruzzjoni.

F’Awwissu tal-2019 15-il NGO tal-ambjent u residenti appellaw fil-Qorti kontra l-permess biex isir il-proġett tas-Central Link. Sostnew li dan huwa appell għall-ambjent, għas-saħħa tar-residenti u għas-sostenibilità; imma l-iżjed appell kontra l-abbuż tas-sistema tal-ippjannar għall-bini. Dan għaliex sostnew li Infrastructure Malta għandha tendenza tmexxi bix-xogħlijiet mingħajr permessi meħtieġa, u b’hekk ebda appell ikun għalxejn, għax il-ħsara tkun diġà saret.

Din il-ġimgħa l-kandidat indipendenti Arnold Cassola talab lill-Pulizija tinvestiga lill-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, Frederick Azzopardi, għall-ksur ta’ liġijet ambjentali.