Filmat: Infqajt nibki meta qalli ‘Pa erġa’ ejja’ – missier

Wara li rajna minn xiex għaddej Paul*, inkomplu niskopru anke minn xiex għaddejjin uliedu.
Irrakkontali episodju meta wara li kellu laqgħa ma’ wliedu, Paul irċieva telefonata minn wieħed minnhom fejn talbu biex jerġa’ jmur ħdejhom ħa jilagħbu ftit ieħor. “Infqajt nibki u nolfoq fil-karozza. Il-ħin tal-aċċess kien skada u jien ma stajtx nerġa’ nersaq lejhom. Ma stajtx nikkuntenta lil ibni,” lissen Paul b’sogħba kbira.
Intant wieħed minnhom ħoloq profil falz fuq il-midja soċjali biex ikun jista’ jżomm kuntatt ma’ missieru. L-omm indunat u waqqfithulu, għal darba, tnejn, tlieta. “Dan mhux atteġġament ta’ iben li jsofri xi tip ta’ abuż minn missieru,” tenna Paul.
Meta staqsejnieh kif kien iqatta’ l-ħin ma’ wliedu Paul stqarr li, “Tant kienet  tgħaddi malajr siegħa li qisha minuta kienet ittir. Konna nitkellmu, nilagħbu flimkien, u nqattgħu “quality time” flimkien, dejjem taħt għajnejn l-Appoġġ.”
Żied jgħid li ma jistax jifhem lill-eks sieħba tiegħu. “Daqqa tgħidli ħudhom mingħajr aċċess, kif għamlet is-sena l-oħra, u daqqa takkużani li mhux tajjeb għal magħhom. Ma nistax nifhem,” qal imbikkem.
Fl-intervista Paul jgħid x’seħħ fil-Qorti meta wieħed minn uliedu ġie msejjaħ mill-Maġistrat.
Paul jibqa’ jsostni li għaddej minn dan il-martirju tort ta’ “rapport mimli gideb li sar minn social worker.
Ir-reazzjoni tal-Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon, dwar każijiet simili se tkun imxandra fuq dan is-sit. Huwa kkonferma li bħalissa ma hemmx mod kif wieħed jappella rapporti miktuba fuqu.
*Ismijiet mibdula.
Filmat: rikostruzzjoni